Il-birra Cisk tiċċelebra d-90 sena fil-lejl finali tal-Farsons Beer Festival

L-aħħar lejl tal-Farsons Beer Festival nhar it-3 ta’ Awwissu żgur li se joffri divertiment u spettaklu garantit lil kull min ikun preżenti.

Wara nuqqas ta’ diversi snin, ir-ritorn ta’ Ira Losco fuq il-palk prinċipali tal-Farsons Beer Festival jaħbat maċ-ċelebrazzjoni tad-90 sena tal-birra Cisk, u għaldaqstant qed tiġi organizzata serata memorabbli. Fil-fatt, għadu kif tħabbar li r-rebbieħa tal-edizzjoni tal-X-Factor ta’ din is-sena, u l-kantanta li rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest, Michela, ser tkun il-mistiedna speċjali matul din il-lejla, u għall-ewwel darba f’Malta din se tkanta ma’ Ira Losco.

Ira Losco se tkun qed tagħti xow live ta’ sagħtejn flimkien mal-mużiċisti tagħha u mistiedna oħra.

“Ira u l-band tagħha ilhom numru ta’ snin ma jipparteċipaw fil-Farsons Beer Festival, u aħna tassew eċitati u onorati li hi se tkun qed tkanta matul is-serata tal-għeluq,” qal Adolf Vella, Business Support Manager ma’ Simonds Farsons Cisk plc u l-Koordintatur tal-Festival.

Wara l-aħħar s-suċċess mużikali tagħha ‘Hey Now’, kif ukoll diversi kanzunetti oħra bħal ‘We are the Soldiers’, ‘One In A Million’, ‘Bad Habits’, ‘OMG’, u l-kanzunetta l-aktar riċenti ‘High’, mid-double album tagħha, ’No Sinner No Saint’, il-maniġment tal-kantanta ħabbar li hija għandha xi ħaġa tassew speċjali ppjanata għal dan ix-xow, fejn hi se tkun qed tniedi l-aktar kanzunetta riċenti tagħha, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi mistieden speċjali.

L-udjenza preżenti dakinhar se jkollha wkoll l-opportunità li tixtri oġġetti promozzjonali esklussivi, u kulħadd hu mistieden jiltaqa’ ma’ Ira u l-mistednin tagħha u jieħu ritratti, matul is-sessjoni Meet & Greet li se ssir eżatt wara x-xow.

Is-sena li għaddiet, Ira Losco ċċelebrat 15-il sena fix-xena mużikali, u matul dan iż-żmien hija kienet tassew attiva, ħarġet sitt albums irrekordjati ġewwa studjo, żewġ remix albums, DVD, ġurnal b’ġabra ta’ 400 ritratt, aktar minn 20 vidjow mużikali u kanzunetti li hija ppreżentat matul diversi kunċerti kbar barra minn Malta, kif ukoll avvenimenti differenti f’pajjiżna, u għat-tieni sena reġgħet ġiet mistiedna li tkun parti mill-programm televiżiv tassew popolari X-Factor, li t-tieni sensiela tiegħu se tidher fuq it-televiżjoni minn Ottubru li ġej.

Barra minn dan, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tad-90 sena taċ-Cisk, se jitqassmu 6,000 LED wristband interattivi lill-udjenza. Dawn ir-wristbands se jiġu attivati fil-ħin li fih tkun qed tkanta Ira Losco, sabiex kulħadd jipparteċipa bis-sħiħ f’din l-esperjenza immersiva.

“Zgur li ħadd ma għandu jitlef din l-esperjenza,” qal Steve Borg, Cisk Brand Executive ma’ Simonds Farsons Cisk plc. “Għandna wkoll xi sorpriżi oħra ppjanati għal matul is-serata u żgur li nħeġġu lil kull min jattendi dan il-festival kull sena biex ma jitlifx din l-opportunità spettakolari.”

Ira Losco u l-band tagħha se jkunu fuq il-palk fl-10.30 ta’ filgħaxija. Il-kantanti popolari Nicole Frendo u Owen Leuellen se jkunu qed ikantaw qabilha, u x-xow tagħhom jibda fid-9.00 ta’ filgħaxija.

Il-Farsons Beer Festival huwa organizzat minn Simonds Farsons Cisk plc.