Il-birer Maltin u Għawdxin jinżlu għasel fi Brussell

Iċ-Cisk Lager u San Blas tista’ tgħid li bbrillaw fil-Brussels Beer Challenge 2014 hekk kif ġabu riżultati prestiġġjużi.
Iċ-Cisk ta’ Farsons, ingħatat Midalja tal-Fidda fil-kategorija Lager: International Style Pilsner.
Il-birra Għawdxija San Blas ħadet Honourable Mention fis-sezzjoni Pale & Amber Ale: English IPA.
Din il-birra Għawdxija ilha fis-suq għal dawn l-aħħar 3 xhur hi hi tal-birrerija artiġġjanali fix-Xewkija, Lord Chambray.
It-tielet edizzjoni tal-Brussels Beer Challenge, ittellgħet il-ġimgħa li għaddiet (mit-30 ta’ Ottubru sat-2 ta’ Novembru) f’Leuven, il-Belġju fejn 60 espert internazzjonali fil-birra daqu birer mid-dinja kollha.
Fil-fatt, għall-edizzjoni ta’ din is-sena kien hemm 725 parteċipant minn 25 pajjiż.
L-aktar pajjiż li daħħal birer għall-kompetizzjoni kien il-Belġju, b’200 birra minn 79 birrerija differenti.