Il-BirdLife u l-CABS jikkundannaw il-ftuħ tal-istaġun tal-insib

Il-BirdLife u l-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) ikkundannaw id-deċiżjoni tal-Gvern li jiftaħ l-istaġun tal-insib, mill-bieraħ l-20 t’Ottubru sal-31 ta’ Diċembru, ladarba għadu għaddej il-każ kontra l-insib tal-isponsuni f’Malta fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li l-Gvern Malti ġie ikkritikat fil-livell Ewropew minħabba li mhuwiex jissorvelja l-azzjonijiet tan-nassaba.
Il-BirdLife spjegat li mal-4,000 nassab huwa reġistrat, għalhekk il-kwoti tal-insib tal-għasafar qed jinlaħqu malajr u jinqabżu. Madankollu, kompliet li n-nassaba stess iridu jirrapurtaw il-qabdiet tagħhom, u għalhekk diversi qabdiet mhumiex qed jiġu rappurtati.
Il-President tal-CABS Heinz Schwarze ikkritika lid-dipartiment tal-Gvern  li jirregola l-għasafar selvaġġi (WBRU) u lis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri talli gidbu li l-insib tal-għasafar qed jiġi sorveljat, meta l-CABS irrappurtat iktar minn 50 każ ta’ insib illegali din is-sena biss.
Fi stqarrija, il-CABS ikkritikat ukoll lill-pulizija u l-WBRU talli ma waqqafx il-bejgħ illegali tal-għasafar selvaġġi kemm fuq l-internet kif ukoll fis-suq tal-Ħadd fil-Furjana, li skontha huwa ċentru tal-kummerċ illegali tal-għasafar f’Malta.  
Kemm il-BirdLife kif ukoll il-CABS appellaw lill-awtoritajiet konċernati biex jissorveljaw in-nassaba, u jinfurzaw il-liġi fejn din qed tinkiser. Il-BirdLife sostniet li se tkompli tissorvelja l-istaġun tal-insib, u tirrapporta kull evidenza ta’ illegalitajiet.