Birdlife twieġeb lill-FKNK: “Id-demokrazija bla prezz”

Il-BirdLife Malta qalet li d-demokrazija m’għandhiex prezz wara li l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li l-proposta tal-BirdLife Malta biex isir referendum ieħor dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa tfisser ħela ta’ €6 miljun.
Ilbieraħ il-BirdLife qalet li se tkun ippressata ssejjaħ referendum ieħor għax, fi kliemha, il-Gvern mhux qed iħallilha għażla oħra minħabba li aktar qed jikkunsidra l-gwadann politiku milli jħares lejn fatti xjentifiċi meta jittratta l-kaċċa.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan, l-FKNK qalet li l-Gvern Malti m’għandux jerġa' jonfoq aktar minn €6 miljun “biex jagħmel referendum ieħor rigward materja li l-maġġoranza tal-poplu Malti diġà vvota fuqha fl-2015.”  
L-FKNK kompliet tgħid li l-Gvern Malti għandu jikkunsidra l-petizzjoni tal-FKNK b’aktar minn 104,000 firma biex issir emenda fil-liġi dwar ir-referendums.
Skont l-FKNK l-istaġun kif propost mill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) ma jagħmilx sens. Skont l-FKNK fil-perjodu ssuġġerit ipassi tajr ieħor li mhuwiex is-summien, f’staġun li suppost ikun għas-summien biss. Fil-fehma tal-FKNK, dan ifisser li kull tajra oħra hi meqjusa protetta f’dan il-perjodu.L-FKNK qalet li llum huwa ċar aktar minn qatt qabel li l-BirdLife trid tibqa’ miexja fit-triq tal-abolizzjoni.
Skont l-FKNK id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Kumitat Ornis rigward id-dati tal-istaġun ittieħdet wara li ġew ippreżentati rapporti u dettalji estensivi u wara li saru dibattiti.
Reazzjoni tal-BirdLife
F’reazzjoni għall-istqarrija tal-FKNK, il-BirdLife Malta qalet li meta gvern jagħżel li jinjora aġenzija tiegħu stess u jdaħħal miżuri li se jwasslu għall-qerda tan-natura, allura ma jkunx hemm triq oħra ħlief li wieħed jikkontempla x’għandu jkun il-pass li jmiss. Il-BirdLife saħqet li l-konsultazzjoni pubblika permezz ta’ referendum hija dritt demokratiku.
Il-BirdLife qalet li meta kien sar ir-referendum tal-kaċċa l-prezz kien ta’ madwar €4.6 miljun, ċifra li tħoss li hija waħda minfuħa. Madanakollu, skont il-BirdLife, id-demokrazija m’għandhiex prezz.