Il-BirdLife titlob li l-istaġun tal-kaċċa jinfetaħ aktar tard

Miguela Xuereb

BirdLife Malta qed titlob lill-Gvern sabiex il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa jimxi għall-15 ta’ Ottubru minflok jiftaħ nhar is-Sibt.

Dan talbuh permezz ta’ ittra li tkellmu dwarha waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu fl-uffiċini ta’ BirdLife Malta f’Ta’ Xbiex. Intqal li l-proposta hija appoġġjata minn ħames NGOs oħra lokali, dawn huma Flimkien Għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Nature Trust-FEE Malta, Din l-Art Ħelwa, fish4tomorrow u Sharklab-Malta.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet spjegaw li meta jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa isiru bosta illegalitajiet, speċjalment minħabba li l-kaċċa tiftaħ fi żmien meta bosta għasafar protetti jkunu qed ipassu minn fuq Malta. Dan iwassal sabiex iseħħu l-illegalitajiet.

Apparti minn hekk ipproponew ukoll it-twaqqif ta’ Wildlife Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, li għandha tkun armata bir-riżorsi adegwati u tassigura li l-liġijiet ambjentali ta’ Malta jiġu infurzati bis-serjetà. Sostnew li din it-talba għandha l-approvazzjoni unanima tal-Kumitat Ornis.

82 għasfur inqatlu b’mod illegali s-sena l-oħra. Dan qalu li kien rekord. Għal din is-sena, s’issa inqatlu 44 għasfur protett, li jsostnu li juri li din is-sena tista’ terġa’ tikser rekord ieħor. Sostnew l-indikazzjonijiet huma ċar u għalhekk il-protezzjoni tal-għasafar u r-regolarizzazzjoni tal-kaċċa għandha tittieħed b’aktar serjeta.

Fl-aħħar ġimgħat sar massakru ta’ 18-il ċikonja bajda li żaru Malta huma u jpassu. Fl-ittra spjegaw li din l-ispeċi hija parti minn suċċess kbir li qed jiġi rreġistrat madwar l-Ewropa bis-saħħa li bosta gvernijiet qed iħalluhom ibejtu fuq id-djar, u għalhekk hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata biex ma tibqax tiġi ttollerata din l-attitudni u titwaqqaf il-kaċċa illegali.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima, il-Kap Eżekuttiv Mark Sultana u l-Conservation Manager Nicholas Barbara.

Intant, propju 20 minuta qabel ma bdiet il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Gvern ħabbar il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa bħala l-1 ta’ Settembru, dan minkejja li l-BirdLife Malta kieent diġa bagħtet l-ittra bil-proposti tagħha.