Il-BirdLife tikkunsidra li titlob referendum ieħor dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa

Il-BirdLife qalet li se tkun ippressata ssejjaħ referendum ieħor għax, fi kliemha, il-Gvern mhux qed iħallilha għażla oħra minħabba li aktar qed jikkunsidra l-gwadann politiku milli jħares lejn fatti xjentifiċi meta jittratta l-kaċċa.
Aktar kmieni llum il-Kap Eżekuttiv tal-organizzazzjoni mhux governattiva li tħares id-drittijiet tal-għasafar, Mark Sultana, qal li d-dati mħabbra lbieraħ mill-Kumitat Ornis għall-istaġun tal-kaċċa jaħbat mal-eqqel tal-passa tal-Gamiema, u għalhekk mhu xejn għajr fasla biex tinqatel dit-tajra protetta.
Sultana rrimarka li d-dati tal-kaċċa fir-rebbiegħa tas-sena l-oħra kienu ċċaqalqu sabiex jiġi evitat dan il-ħbit, iżda dis-sena l-Gvern ċeda għall-pressjoni biex jakkomoda lill-kaċċaturi li kienu qed jagħmlu pressjoni kbira biex jinfetaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-Summiena waqt l-eqqel tal-passa tal-Gamiema.

Sostna wkoll li l-Gvern injora l-pariri tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u studji xjentifiċi oħra, li kellhom pożizzjoni kategorika kontra li d-dati jitmexxew lura u saħanistra marru oltre billi pproponew li l-istaġun jitmexxa aktar ’il quddiem b’ġimgħa, jiġifieri jinfetaħ bejn il-15 ta’ Marzu u l-4 t’April, speċifikament biex tkun evitata l-passa tal-Gamiem.
Madankollu lbieraħ l-Ornis irrakkomandat lill-Ministru għall-Ambjent, Jose Herrera, biex l-istaġun ikun miftuħ bejn il-5 u l-25 ta’ April.
Issa jmiss li l-Ministru jaċċetta jew le dir-rakkomandazzjoni, iżda Sultana rrimarka li l-BirdLife issa drat u taf x’se jiġri.
BirdLife Malta tenniet il-pożizzjoni tagħha li ma taqbel mal-ebda kaċċa fir-rebbiegħa waqt li stqarret li m’hemm l-ebda dubju li l-bidla fid-dati tal-istaġun tar-rebbiegħa ta’ din is-sena saret apposta b’mod li jkun jista’ jinqatel il-gamiem.

“Il-Gvern ma jimpurtahx x’tgħid l-ERA jew x’turi d-data xjentifika. Jinteressawh biss il-kaċċaturi u lilna, ta’ BirdLife Malta, jinjorana daqslikieku n-nies li nirrappreżentaw u s-sentimenti li dawn jgħożżu ma jiswew xejn”, sostnew l-uffiċjali tal-BirdLife.
Finalment l-organizzazzjoni qalet li se tissottometti rapport estensiv lill-Unjoni Ewropea biex tikkunsidra referendum ieħor.