Il-BirdLife tħassar laqgħa li kellha ma’ Delia minħabba li qal fuq il-kaċċaturi

Read in English.

Il-BirdLife Malta ħassret laqgħa li kien se jkollha mal-Kap tal-PN Adrian Delia wara kummenti li għamel fuq il-midja soċjali dwar il-kaċċaturi.

Fi stqarrija l-għaqda qalet li bagħtet ittra lil Delia tinfurmah bid-deċiżjoni tagħha llum. Il-laqgħa li talab għaliha l-PN kellha ssir nhar it-Tnejn. L-ittra ġiet ippubblikata mill-BirdLife.

“Dan qed nagħmluh fid-dawl li inti għażilt li tasal għal konklużjonijiet qabel ma tiċċekkja l-fatti. Inti f’isem il-Partit Nazzjonalista għamilt stqarrija fuq il-midja soċjali fejn intqal li: ‘Waqt laqgħa li kelli llum mal-FKNK esprimejt il-ħsieb tiegħi li ninsabu sodisfatti li mhu ser jittieħdu ebda passi kontra eluf ta’ kaċċaturi li ma kisru ebda liġi. Bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja, mal-ħażin ma għandu qatt jeħel it-tajjeb. Il-liġi għandha tiġi rispettata minn kulħadd.’

“Din il-pożizzjoni ħadtha qabel ma vverifikajt il-fatti. Int għażilt li ma tarax il-fatti. Dawn il-fatti huma li l-liċenzji u l-permessi speċjali tal-kaċċa nħarġu mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li ma kellux illeġittimità u l-poter legali li joħroġ dawn il-liċenzji. Il-Ministru Camilleri huwa wkoll il-ministru responsabbli mill-Wild Birds Regulation Unit (WRBU), taqsima li hija ddominata minn interessi tal-kaċċaturi u n-nassaba meta skont il-liġi din hija responsabbiltà tal-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia,” qalet il-BirdLife.

Skont l-għaqda jidher li l-PN qed jaqbel mal-ksur u l-abbuż talliġi minflok iservi bħala gwardjan Parlamentari lejn l-osservanza tal-liġi.

Il-BirdLife temmet tgħid li l-PN jista’ jagħżel li jkun partit populist bħall-Partit Laburista fil-gvern imma meta jagħmel hekk ikun qed jabdika u jaħrab mill-obbligi tiegħu bħala partit li jgħid li għandu għal qalbu s-saltna taddritt u l-ħarsien ambjentali.