Il-BirdLife bi proġett ġdid mal-Malta Girl Guides

Il-BirdLife Malta nediet programm ġdid b’kollaborazzjoni mal-Malta Girl Guides, sabiex ikomplu jestendu l-imħabba għan-natura fiż-żgħażagħ, kif ukoll jifirxu kuxjenza u atitudni ta’ soluzzjonijiet f’rispett totali lejn l-ambjent u l-kreaturi ta’ ġo fih.
Il-programm jinkludi nature badges, li jridu jiġu akkwistati waqt l-attivitajiet li jkollhom it-tfajliet. Dawn il-beġġijiet jimbuttaw lit-tfajliet jesploraw oqsma differenti tan-natura, fosthom l-esplorazzjoni ta’ nħawi u l-konservazzjoni ta’ zoni protetti u l-annimali li jgħixu fihom.
Inħolqu wkoll riżorsi onlajn u gwidi sabiex min jieħu ħsieb il-girl guides, kif ukoll il-ġenituri, ikunu jistgħu jimplimentaw dan il-proġett.
Il-Kummissarju tal-Malta Girl Guides, Marjoe Abela, qalet li dawn ir-riżorsi huma mitqlu deheb, u l-aktar għax bosta attivitajiet tal-girl guides ikunu fin-natura, bħall-ikkampjar, l-abseiling, u t-trekking. Dan se jsaħħaħ l-esperjenza ta’ tagħlim fuq barra.
Min-naħa tagħha, l-uffiċjal Edukattiv tal-BirdLife Malta, Sarah Brady, irrimarkat li l-organizzazzjoni tgħożż din il-kollaborazzjoni mal-girl guides, li se ssaħħaħ il-ħidma tagħhom sabiex jitħares l-ambjent naturali Malti.
Il-proġett tnieda waqt il-Konferenza Nazzjonali tal-Malta Girl Guides.