Il-Bird-Flu tfeġġ f’għadd ta’ bliet Ewropej

Id-Danimarka ordnat il-qtil ta’ 25,000 tiġieġa wara li nstab il-virus H5N8 bird flu fuq farm, skont dikjarazzjoni tal-awtoritajiet nhar it-Tnejn. Dan effettivament waqaf l-esportazzjoni ta’ tjur u bajd mill-pajjiż lejn l-Unjoni Ewropea għal tal-anqas tliet xhur.

Il-qtil ġie ordnat wara li nstabu diversi każijiet ta’ bird flu fi tjur selvaġġi fil-punent tal-pajjiż f’dawn l-aħħar ġranet, kif ukoll serje ta’ epidemiji li ġew irreġistrati madwar l-Ewropa f’dawn l-aħħar ġimgħat.

L-Amministrazzjoni Daniża tal-Veterinarji u l-Ikel qalet f’dikjarazzjoni li ma ġie rreġistrat l-ebda każ ta’ infezzjoni umana madwar l-Ewropa, u li s-sejba ta’ nhar it-Tnejn kienet ġiet irrappurtata lill-awtoritajiet tal-UE.

Aktar kmieni nhar it-Tnejn il-Ġermanja ordnat il-qtil ta’ 16,100 dundjan wara li nstab l-istess tip ta’ bird flu fuq farm fit-tramuntana tal-Ġermanja.

Fi Franza wkoll ġie nnutat tip patoġeniku ta’ bird flu fit-taqsima tal-pets ta’ ħanut f’waħda mill-ibliet ewlenin ta’ Corsica, qal il-ministeru tal-biedja nhar it-Tnejn, f’din l-aħħar tifqigħa tal-marda fl-Ewropa tul dawn l-aħħar ġimgħat.

F’dikjarazzjoni, il-ministeru qal li l-għasafar kollha fil-ħanut kienu nqatlu, u żied jgħid li Franza se titpoġġa fuq livell ta’ allerta għoli għal din il-marda minn nhar it-Tlieta.