​Il-bini tal-inċineratur tal-Magħtab mhux mistenni jibda qabel 3 snin

Il-bini tal-inċineratur tal-Magħtab mhux mistenni jinbeda qabel tliet snin.
Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera fil-Parlament fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
Ix-xahar li għadda, il-Gvern ħabbar proposta ta' bini ta' inċineratur fiż-żona tal-Magħtab li se jkun qed jaħraq 114,000 tunellata ta' żibel kull sena.  
Diversi għaqdiet mhux governattivi u residenti tal-madwar semmgħu leħinhom fejn sostnew li l-emmisjonijiet mill-ħruq ta’ skart se jkun ta’ periklu għall-ħajja tar-residenti.
Meta kien qed iwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru qal li bħalissa qed isir xogħol preparatorju biex jinkisbu l-permessi biex jinbena l- inċineratur.
Huwa qal li meta jasal iż-żmien, il-Gvern għandu l-ħsieb li jagħmel laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-madwar.