“Il-bini f’San Ġiljan se jibqa’ ħiereġ fuq il-baħar” – Cacopardo

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li l-iżvilupp mal-kosta ta’ San Ġiljan mhux talli baqa’ ħiereġ sax-xifer tal-kosta, talli fis-sulari ta’ fuq se jibqa’ ħiereġ fuq il-baħar. Dan qal li huwa skont pjanti approvati.

Cacopardo kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet mal-kosta ta’ San Ġiljan. Sostna li madwar tliet snin ilu kien hemm qbil unanimu mill-Parlament li approva emendi għall-Kodiċi Ċivili li bihom ried jagħti l-impressjoni li saħħaħ il-ħarsien tal-kosta. Insista li l-ħarsien tal-kosta tfisser ferm iktar minn tindifa u ġbir ta’ skart mormi.

Semma li minkejja li l-liġi ssaħħaħ u taġġorna l-qafas regolatorju għall-governanza tad-dominju pubbliku, wara tliet snin, is-sitwazzjoni qed tmur mill-ħażin għall-agħar. Sostna li l-għaqdiet ambjentali ilhom sa minn Ġunju tal-2016 li ssottomettew id-dokumentazzjoni meħtieġa għall-protezzjoni ta’ 23 sit mal-kosta kollha ta’ Malta u Għawdex.

Cacopardo kompla jgħid kif l-Awtorità tal-Ippjanar naqset minn dmirha li tħares il-kosta meta diġà approvat tliet permessi ta’ żvilupp fuq dan is-sit u qed tikkunsidra l-approvazzjoni tar-raba applikazzjoni. Għaldaqstant appella lill-eks Imħallef u Chairman tal-Awtorità tal-Artijiet, Lino Farrugia Sacco sabiex “iqum ftit mir-raqda” u jara li l-awtorit “tistenbaħ u tagħmel dmirha”.