Aġġornata: Jgħidu li l-billboards kienu legali; il-PA tgħid li kienu qed jisirqu d-dawl

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ikkonfermat li l-billboards li tweħħlu minn #Occupy Justice kienu illegali.
Il-PA kienet qed tirreaġixxi għall-istqarrija ta' #Occupy Justice aktar kmieni llum, li kienet tisħaq li l-billboards kienu legali għax inkrew mingħand persuni privati.
L-għaqda #OccupyJustice ssostniet li ma kisret ebda liġi fit-twaħħil tal-billboards fil-lejlta' bejn il-15 u s-16 ta' Frar.
Dalgħodu f’konferenza tal-aħbarjiet quddiem Kastilja huma ċċarraw li kellhom kuntratt u garanzija bil-miktub illi l-billboards kellhom il-permessi neċessarji.
Dan wara li t-tliet billboards li ttellgħu minn #Occupy Justice tniżżlu f’inqas minn 24 siegħa waqt li huma kienu qed jieħdu sehem fil-velja organizzata minn Civil Society Network, il-Kenniesa, l-Awturi u #OccupyJustice.
Madankollu l-PA qalet li kien hemm ordni għal tneħħija li l-grupp kien jaf biha xhur ilu, u għalhekk kellu biżżejjed ċans biex jaħseb x'se jagħmel.
Ma' dan l-awtorità żiedet tgħid li b'kollaborazzjoni mal-Enemalta nstab li wħud mill-billboards ta' #Occupy Justice kienu qed jikkunsmaw elettriku misruq.
Temmet tgħid li se tibqa' tieħu l-miżuri neċessarji biex jitneħħew billboards li jmorru kontra l-liġi.
Aktar kmieni
Il-grupp kien qed ifakkar ir-raba’ xahar mill-assassinju tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruna Galizia.
#Occupy Justice rrimikaraw kif Malta tinsab mimlija billboards li intużaw mill-partiti politiċi bla xkiel u li huma żgur ukoll illegali. Iżda l-Awtorità tal-Ippjanar għażlet proprju dak il-ħin biex jitneħħew il-billboards ta’ #Occupy Justice.
L-attivisti ħadu strixxuni quddiem Kastilja li kellhom l-istess messaġġ li deher fuq il-billboards. Dawn infirxu mal-art.
Waqt il-konferenza huma akkużaw lill-Gvern dgħajjef is-saltna tad-dritt f’Malta.
Permezz ta’ kwotazzjoni minn Winston Churchill, fl-appell tagħhom għall-Prim Ministru qalu li huma se jkomplu ‘jiddefendu l-gżira tagħna’ irrispettivament mill-prezz li se jħallsu.
Huma staqsew kif wara erba’ xhur għadu mhux magħruf min ordna l-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia.