Il-biljetti tal-kunċert ta’ Joseph Calleja ma’ Zucchero jinsabu għall-bejgħ

Read in English.

Mil-lum it-Tnejn 20 ta’ Lulju tista’ takkwista l-biljetti għall-kunċert li Joseph Calleja se jkun qiegħed jagħti fuq il-Fosos tal-Furjana nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru.

Joseph Calleja se jkun akkumapnjat mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, u kif tħabbar ftit tal-ġranet ilu, il-mistieden internazzjonali se jkun il-kantant Zucchero, magħruf għal bosta suċċessi bħal Diamante, Il Volo, Baila morena u Senza una Donna.

Zucchero biegħ aktar minn 60 miljun diska madwar id-dinja u rebaħ numru kbir ta’ unuri prestiġġjużi kif ukoll ikkollabora ma’ għadd kbir ta’ mużiċisti rinomati bħal Eric Clapton, Jeff Beck, Stevie Ray Vaughan, Brian May, Miles Davis, Ray Charles, B. B. King, Sting, Bono, Dolores O’Riordan, Paul Young, Peter Gabriel, Luciano Pavarotti, u Andrea Bocelli.

NnG Promotions, l-organizzaturi tal-kunċert, ħabbru li se jkunu qed jimxu mal-linji gwida maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, biex iħarsu s-saħħa ta’ dawk kollha li se jattendu.

Il-biljetti għall-kunċert ta’ Joseph Calleja tistgħu tiksbuhom minn showshappening.com billi tagħfsu fuq dan il-link.