Il-bilanċ li fadallek fl-ismart card se jmur fil-kont tal-bank

Il-kreditu li l-istudenti universitarji għad għandhom fl-ismart cards, se jiġu trasferiti fil-kont bankarju tagħhom.
Ilbieraħ, l-amministrazzjoni tal-Università ta’ Malta bagħtet imejl lill-istudenti biex tinfurmahom li l-ismart cards mhux se jibqgħu attivati mil-lum, u li l-bilanċ li fadlilhom fihom, se jiġi kreditat fil-kontijiet bankarji tagħhom wara li jsir il-proċess meħtieġ.
L-Uffiċċju tal-Istipendju informa lill-istudenti li għas-sena akkademika 2014/15, l-istudenti eleġibbli għandhom japplikaw għal din l-għajnuna, permezz tal-eSIMS. Meta japplikaw, l-istudenti jridu jipprovdu l-kont tal-IBAN tagħhom.
L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu mill-1 ta’ Ottubru sal-aħħar ta’ Novembru.
Ftit inqas minn ġimagħtejn ilu, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħabbar it-tibdil f’din is-sistema. Spjega li s-sistema tal-ismart cards kienet qed iġġib magħha spejjeż kbar biex tiġi amministrata, li jlaħħqu madwar €175,000.
Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji esprimiet id-diżappunt tagħha, minħabba li tista’ żżid il-possibiltà ta’ abbuż, u l-istudenti jkollhom iktar ċans li ma jinvestux il-flus f’oġġetti li jgħinuhom fl-edukazzjoni tagħhom.