Il-big business ma jagħtux flus għall-karità – Fearne

Christoph Schwaiger

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-avvenimenti li seħħew fl-aħħar ġimgħat li wasslu għar-riżenja tal-Prim Ministru u għar-riżenja ta’ żewġ ministri m’għandhomx jirrepetu ruħhom.

Huwa qal li biex dan ma jseħħx iktar, il-partiti jridu jinqatgħu mill-big business li ma jagħtux il-flus għall-karità.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Leader of the House qal li jekk ma jittiħdux il-passi llum, m’hemmx garanzija li dan ma jseħħx fil-futur.  

Fearne qal li l-approvazzjoni tal-istimi tal-Parlament huwa l-ewwel pass biex jissaħħaħ ix-xogħol tal-Parlament, tiżdied l-awtonomija  u l-indipendenza, kif ukoll il-possibbiltà ta’ skrutinju tal-membri tal-kamra.

Meta kien qed jitkellem fil-bidu tad-diskussjoni fuq il-mozzjoni dwar il-pjan finanzjarju dwar is-servizz parlamentari, Fearne qal li madankollu ma jaqbilx li parti minn dan il-vot finanzjarju jgħaddi għand l-Oppożizzjoni biex jintużaw biex jitħallsu żewġ impjegati li diġà jaħdmu fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Jidher li hemm il-volontà li dan ikun Gvern differenti minn ta’ Muscat – David Agius

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li l-Oppożizzjoni trid li l-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni jissaħħaħ, biex flimkien mal-uffiċċju tal-Ispeaker iservi ta’ skrutinju tal-eżekuttiv. Agius qal li lanqas il-backbenchers tal-Gvern m’għandhomx ir-riżorsi biex jaqdu dmirhom.

Huwa qal li diġà jidher li hemm il-passi u l-volontà li dan il-Gvern ikun aħjar minn dak ta’ Joseph Muscat, tant hu hekk li l-Ministru li ħadet il-ġurnament l-ġimgħa l-oħra lanqas rifset il-Parlament għax kellha tirriżenja.