Il-bidu tat-triq lejn ġustizzja vera fiċ-Ċili

“Naħseb li meta Kap ta’ Stat, f’isem pajjiżu, pubblikament jitlob għall-maħfra lil popli indiġeni għan-nuqqasijiet li kellhom isofru tul l-aħħar 150 sena, dan ikun sinjal kbir ta’ rikonċiljazzjoni”.
B’dan il-kliem, Mons. Hector Vargas, Isqof ta’ Tumeco u membru tal-Kummissjoni għall-Kawża tal-Mapuche, beda l-intervent tiegħu fil-Konferenza dwar il-Pjan Araucania li fiha pparteċipat ukoll il-President tal-pajjiż Michelle Baschelet.
Il-President taċ-Ċili b’mod simboliku tat lill-poplu ta’ pajjiżha il-“Pjan Araucania” li hu maħsub biex itemm il-kunflitt storiku bejn l-Istat u l-poplu ta’ Mapuche.
Għal dan il-ġest tal-President, l-Isqof Vargas qal “Nafu li l-Gvern ħadem għal erba’ xhur fuq ir-rapport tal-Kummissjoni Konsultattiva. Għad ma nafux x’inhuma l-bqija tal-proposti tal-Kummissjoni għax hemm ħafna u wieħed għandu jarahom biex ikollu l-istampa sħiħa, iżda minn dak li nafu żgur li saru passi ‘l quddiem”.
Fiċ-ċerimonja fejn kien varat dan il-pjan, il-President Baschelet talbet maħfra lit-tribu tal-Mapuche għall-iżbalji u l-ħruxijiet kommessi jew tollerati mill-istat fil-konfront tal-komunijiet tagħhom.
Il-Pjan jipprovdi għar-rikonoxximent kostituzzjonali tal-poplu Mapuche, id-dritt tiegħu għal żvilupp pożittiv u kumpens għall-vittmi tal-vjolenza mwettqa fil-passat. Il-President qalet li: “Jien nirrikonoxxi it-tbatija u t-telfien li laqtu lill-vittmi tal-vjolenza rurali fir-reġjun f’dawk il-mumenti meta bħala stat fallejna li nassiguraw il-paċi u nipproteġu l-integrita ta’ dawn in-nies”.