Il-bidu tat-tmiem għal kompjuters?

Xandir midja soċjali Pulizija

Il-bejgħ tal-personal computers naqas għar-raba’ sena konsekuttiva fl-2015.
Iżda bi tnaqqis ta’ 25% fuq livell globali, is-sena li għaddiet kien l-akbar  tnaqqis fl-istorja tal-PC.
F’dinja ossessjonata minn smartphones, tablets u apps, din mhix daqstant aħbar ta’ sorpriża: għal ħafna, il-mobile tagħhom huwa l-unika kompjuter li għandhom bżonn.
Barra minn hekk, fid-dinja żviluppata, huma bosta li jippreferu li jissaportu bil-PC il-qadim tagħhom u jonfqu flushom fuq smartphone aktar riċenti.
Iżda mhumiex biss l-ismartphone u t-tablets  li qed joqtlu lill-kompjuter iżda anke interessi kummerċjali differenti.
Fis-Snin 90, kumpaniji bħal Intel, HP u Dell ħadmu anke flimkien biex jirfinaw il-PC modern u jisħqu fuq il-ħtieġa li kulħadd ikollu PC id-dar u fuq il-post tax-xogħol. Issa, dawn l-interessi jidher li bdew jaqbdu direzzjonijiet diverġenti.
Microsoft, aktar milli timbotta l-bejgħ ta’ kompjuters aktar moderni, saret tippreferi tagħmel il-qligħ mill-kumpaniji li jixtru l-aġġornamenti tal-Windows u s-software tal-Office u programmi oħra ta’ accounting u ħażna ta’ data.
Fil-konfront tal-konsumaturi individwali, Microsoft tfittex il-qligħ minn aktar bejgħ ta’ Office, minuti ta’ telefonati bil-vidjo bi Skype, video games u riklami diġitali.
Xhieda ta’ kif qed jinbidel is-suq, għas-sena l-oħra biss, hu stmat li l-bejgħ ta’ iPhone tal-Apple kien akbar mid-dħul kombinat tar-rejiet tal-PC, il-Microsoft u l-Intel.
Riskji kbar għall-Ingliżi jekk jitilqu mill-UE
L-esponenti ewlenin tal-kampanja favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jsostnu li m’hemmx riskji kummerċjali jekk l-Ingliżi ma jiqbgħux f’dan il-grupp tat-28. Madankollu, analiżi ekonomika wiesgħa, ippreżentata fl-aħħar jiem minn kumpanija assoċjata ma’ Bloomberg, turi mod ieħor: bħala membru tal-akbar suq ekonomiku fid-dinja, il-kummerċ bejn ir-Renju Unit u l-UE żdied b’10%. Dal-kummerċ jista’ jitqiegħed f’riskju jekk ir-Renju Unit jivvota favur il-Brexit.
Dan l-istudju juri kif it-tnaqqis fil-kummerċ u n-nuqqas ta’ arranġamenti kummerċjali favorevoli jista’ jiswa lill-Ingliżi madwar 2% tad-dħul nazzjonali.
Anke meta l-istess studju ħares lejn is-servizzi, anke hawn ir-Renju Unit kull ma jmur – u kontra l-impressjoni ta’ ħafna li jaħsbu li dan il-pajjiż aktar għandu negozju mal-Istati Uniti, irriżulta li 40% tas-surplus kummerċjali fis-servizzi finanzjarji jsir mal-UE.
 Fl-istess ġranet, analiżi separata kompliet turi kif l-investiment jista’ jonqos drastikament. Madwar 50% tal-ħażna attwali ta’ investiment fir-Renju Unit joriġina minn pajjiżi fl-UE.
Dan jista’ jpoġġi pressjoni ’l isfel fuq il-munita Ingliża. B’munita b’saħħitha, fil-preżent qed tipperemetti lill-Brittaniċi jixtru prodotti u jsiefru fil-kontinent Ewropew fi prezzijiet ferm vantaġġjużi għalihom.
L-istudju jikkonkludi li ħruġ mill-UE jista’ jfisser telf ta’ 2% fil-Prodott Gross Domestiku – mhux neċessarjament mil-lum għal għada, iżda jibqa’ l-fatt, li l-impatt li l-poplu Ingliż għandu jwieżen sew hekk kif jasal biex jieħu din id-deċiżjoni storika.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment