20,000 kaxxa tat-telefown se jitneħħew minn Londra

Madwar nofs l-40,000 kaxxi tat-telefowns pubbliċi se jisparixxu mit-toroq ta’ Londra hekk kif il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni BT bdiet tirreaġixxi għal telf dejjem akbar li qed jirriżulta minn dawn il-kaxxi tant sinonimi mal-belt ta’ Londra.
Il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni qalet li l-phone booths, inkluż 7,000 kaxxa tradizzjonali ħamra, għadhom jintużaw għal madwar 33,000 telefonata kuljum, minkejja l-użu frekwenti tal-mowbajls. Madankollu, aktar min-nofs il-kaxxi qed jitilfu l-flus u madwar terz ġieli ma jkollhomx telefonata minnhom għal xahar sħiħ.
Sal-bidu tas-snin 90 kien hemm madwar 92,000 kaxxa tat-telefon madwar ir-Renju Unit, u kull sena n-numru ta’ telefonati qed jonqsu b’20% fis-sena. Ħafna mill-kaxxi saru ta’ piż għal kumpaniji, li jkollhom spejjeż biex isewwu ħġieġ imkisser jew inaddfu skart li jitħalla ġewwa. Il-kumpanija għandha spiża li tlaħħaq mas-€7 miljun fis-sena biss biex issewwi l-ħsarat li jsiru. Sfortunatament, dawn il-kaxxi jintużaw ukoll għal attivitajiet illegali bħall-konsum u t-traffikar tad-droga.
Għalhekk, l-iskop ta’ BT hu li tnaqqas dawn il-kaxxi u tħallihom biss fl-aktar postijiet popolari. Madankollu, BT qed taħdem biex dan l-ispazju tibqa’ tużah. Għal dan l-għan qed tikkollabora ma’ kumpanija tar-reklamar PrimeSight u mal-kumpanija Amerikana Intersection biex il-kaxxi jinbidlu b’WiFi hotsport u skrin diġitali magħruf bħala Links. BT qed tiddiskuti mal-kunsilli lokali biex f’dawn il-postijiet tiġi offruta informazzjoni speċifika għal-lokalità, bid-dħul imbagħad jasal mir-reklamar.
Problemi finanzjarji għal SoundCloud
SoundCloud, kumpanija li tipprovdi s-servizz popolari ta’ music streaming, temmet l-impjieg ta’ 40% tal-ħaddiema tagħha u ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonferma li kellha finanzjament biżżejjed biex tibqa’ għaddejja lil hinn mill-aħħar tas-sena.
Din il-pożizzjoni prekarja rriżultat minkejja li s-servizz qed jattira aktar minn 175 miljun utent regolari kull xahar, u jilqa’ katalgu enormi ta’ mużika, partikolarment ta’ mużika ġdida, artisti emerġenti u ġeneri mhux daqshekk tradizzjonali.
Fil-ġranet li għaddew, Temasek, il-kumpanija ta’ investiment statali ta’ Singapore, aċċettat li tinvesti ammont mhux iddikjarat fil-kumpanija. Dan il-ftehim indika l-valur ta’ SoundClud għal €127, ħafna anqas mis-700 miljun li kienet ġiet stmata tliet snin ilu. Din is-sena il-kumpanija ħabbret ukoll li kienet se tagħlaq l-uffiċċji li għandha f’San Francisco u f’Londra.
SoundCloud oriġinarjament twaqqfet fi Stokkolma, fl-Iżvezja, u eventwalment ibbażat lilha nfisha f’Berlin. Hekk kif kibret sostanzjalment, gruppi, produtturi u record labels bdew jitolbu ħlasijiet. Sound Cloud iffirmat bosta ftehimiet ta’ liċenzjar ma’ kumpaniji bħal Universal Music Group, Warner, kif ukoll mal-akbar grupp ta’ royalties fir-Renju Unit, PRS for Music. Dan wassal għal telf kbir, u skont l-aħħar accounts preżentati mill-kumpanija għal-2015, hija ġarrbet telf ta’ aktar minn €50 miljun f’sena.
Dan wassal biex taħt pressjoni mill-investituri SoundCloud daħħlet ir-reklamar fuq is-sit u nediet s-servizz Soundcloud Go abbonament ta’ €8.50 fix-xahar.  Iżda minkejja li għandha numru ta’ utenti akbar minn ta’ Spotify, ftit attirat abbonamenti u reklamar, b’Spotify jibqa’ ferm aktar popolari f’dan is-suq.
Il-Filippini bit-tieni l-akbar tkabbir fl-Ażja
L-ekonomija tal-Filippini kibret b’pass impressjonanti fit-tieni kwart tas-sena, grazzi għal żieda qawwija fis-settur tal-kostruzzjoni u dak agrikolu. L-ekonomija, li kibret b’6%, hija t-tieni l-aktar waħda li kibret fil-konentinent Ażjatiku wara ċ-Ċina.
Hu mistenni li l-ekonomija din is-sena tikber aktar minn 7%. Bħall-imsieħba reġjonali tagħha, il-Filippini qed tgawdi minn titjieb fil-qagħda ekonomika globali, bl-esportazzjoni tikber aktar minn 14% sa nofs din is-sena.
Dan wassal għal żieda qawwija fil-konsum tal-familji.
L-ikbar xprun tal-ekonomija kien il-proġett infrastrutturali magħruf bħala “Ibni, Ibni, Ibni” b’valur ta’ €153 biljun.
Iżda sfida qawwija għal dan it-tkabbir ġej minn gwerra qawwija li l-Gvern tal-President Duterte qed jagħmel kontra l-kartelli tad-droga. Filwaqt li l-komunità internazzjonali tappoġġja lill-Gvern fl-argument li l-ġlieda kontra d-droga hija kruċjali għall-prosperità, l-intensità li biha qed issir qed tqajjem allarm u tħassib. Fi żmien sena ġew arrestati aktar minn 36,000 persuna, filwaqt li madwar 2,000 oħra nqatlu mill-pulizija f’atti deskritti bħala ta’ difiża personali.
 
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.