Aġġornata: “Il-bidliet fil-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri se jiftħu bieb għall-abbuż”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil saħaq li l-bidliet fil-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, se jiftħu bieb għall-abbuż u l-korruzzjoni.
Waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, Dr Busuttil irrefera għall-klawżola fil-Kodiċi tal-Etika li tagħti possibbiltà lill-Ministri jibqgħu jaħdmu fil-privat.  Qal ukoll li t-tneħħija tal-obbligu li n-nisa u l-irġiel tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jiddikjaraw l-assi tagħhom, hi ċ-ċavetta għall-korruzzjoni.
Spjega li għax dawk li jridu jixxaħħmu, jistgħu jagħmlu dan billi jitfgħu l-assi tagħhom fuq in-nisa u l-irġiel tagħhom.
Semma li jrid imexxi Gvern li jnaddaf il-politika, fejn Ministri ma jdaħħlux lin-nisa tagħhom jaħdmu mal-Gvern b’paga ta’ €13,000 fix-xahar.
Dwar l-iskandlu ta’ Strada Żekka, il-Kap Nazzjonalista qal li dan irnexxielu jġib dak ta’ Cafè Premier jidher żgħir.  Żied jgħid li kull fejn ikun hemm Joseph Muscat, dejjem ikun hemm xi tip ta’ ħadma.
“Jekk hemm frodi, jew reat kriminali dwar il-konkos fl-Isptar Mater Dei, għandha tintrefa’ r-responsabbiltà,” qal Simon Busuttil.
Tkellem ukoll dwar il-bini tal-Università fiż-Żonqor, u saħaq li “d-deċiżjoni tal-Prim Ministru mhix fl-interess nazzjonali, imma biex jaġevola lil xi ħadd.”
Dwar Rosette Thake, is-Segretarju Ġenerali ġdida tal-Partit Nazzjonalista, Busuttil qal li “għandha biċċa xogħol kbira, imma għandha l-kwalitajiet ta’ amministrazzjoni u ċert li se tagħmel biċċa xogħol tajba.”
Reazzjoni Partit Laburista
Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li Simon Busuttil għandu kemm irid x'jagħmel biex inaddaf il-politika, billi jnaddaf lill-Partit Nazzjonalista li għadu ddominat mill-istess klikek.
Żied jgħid li minflok jieħu azzjoni fil-konfront ta' nies bħal Brian St John, qed jagħmel attakk baxx u bla preċedent kontra membru tal-ġudikatura li jgawdi r-rispett tal-poplu kollu.
Il-PL saħaq li d-differenza qatt ma kienet daqshekk ċara – "Gvern li tal-għodda biex tinkixef il-korruzzjoni u partit li quddiem il-korruzzjoni jwieġeb li se jgħinek kif jista'."