‘Il-bidla għal vetturi li ma jniġġsux tieħu spinta oħra ’l quddiem’

Minn issa ’l quddiem, sforz ikbar se jkun qed jiġi inċentivat sabiex issir tranżizzjoni għal vetturi li ma jniġġżux.
L-Ewroparlamentari Miriam Dalli qalet li bidla għal mobilità b’emissjonijiet baxxi hija t-triq ‘il quddiem għas-snin li ġejjin.
Dan qalitu b’reazzjoni għall-istrateġija li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew nhar il-Ħamis li għadda.
Hija kompliet tgħid kif din it-tranżizzjoni tista’ twassal għal arja aktar nadifa għaċ-ċittadini u investimenti ikbar fl-innovazzjoni, riċerka u żvilupp għall-ekonomija.
"Ejja nkunu dawk li ninfluwenzaw il-bidla. Ejja nimbuttaw biex il-konsumaturi jkunu aktar infurmati”, enfasizzat Miriam Dalli.
L-istrateġija għandha l-għan li tikseb mobilità b’emissjonijiet baxxi ibbażata fuq tliet pilastri:

  • It-titjib tal-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport,
  • Iż-żieda fl-użu ta’ enerġija alternattiva,
  • U l-bidla lejn vetturi b’emmisjoni żero.

L-Olanda u n-Norveġja mistennija li jtemmu l-bejgħ tal-karozzi ġodda li jaħdmu bil-petrol u d-diżil sal-2025, l-Awstrija sal-2030 u Franza u r-Renju Unit sal-2040.