Il-bidla dwar il-piena tal-mewt tista’ toħloq taħwid għall-Kattoliċi fl-Amerika

Il-piena tal-mewt fl-Amerika - illum mistennija esekuzzjoni f'Nebraska

Id-digriet tal-Papa Franġisku li l-piena tal-mewt hi inammissibli fiċ-ċirkostanzi kollha tista’ toħloq problem għall-politiċi kattoliċi u mħallfin fl-Istati Uniti li issa huma ffaċċjati bid-dilemma dwar jekk għandhomx jimxu mal-fidi tagħhom jew mas-saltna tal-liġi f’pajjiżhom.

Uħud mill-mexxejja kattoliċi fi stati fejn hemm il-piena tal-mewt qalu li huma jkomplu jappoġġjaw il-piena tal-mewt. Iżda xi esperti jgħidu li l-bidla tal-Papa Franġisku tista’  ddawwar id-dibattitu politiku, tkun kunsidrata mill-Qorti Suprema Amerikana u tagħmilha diffiċli għall-Imħallfin kattoliċi biex japplikaw il-liġi kif inhi miktuba sal-lum.

Il-mistoqsija jekk politiċi u mħallfin kattoliċi jkunux qed jagħmlu dnub jekk jibqgħu japplikaw il-pieni tal-mewt, hi dibattibbli u tagħti lok għall-interpretazzjoni.

Din hi kwestjoni ta’ kuxjenza, qal Fr. Peter Clark, Direttur tal-Istitut tal-Bioetika Klinika fl-Università ta’ San Ġużepp f’Philadelphia. “L-Imħallfin jistgħu jirrekużaw lilhom infushom minn xi każi jekk verament iħossu li għandhom kunflitt ta’ kuxjenza”.

Bħal fil-każ tal-abort, ħafna mexxejja politiċi kattoliċi u mħallfin ilhom jikkunsidraw il-kwistjoni tal-piena kapitali.

It-tagħlim tal-Knisja fl-imgħoddi kien li l-piena kapitali kienet aċċettata f’xi każi jekk kienet “l-uniku mezz effettiv possibbli biex tiddefendi l-ħajjiet minn xi aggressur”. Dan b’xi mod kien joffri lill-politiċi, mod biex jimxu mal-fidi tagħhom u mal-liġi.

Iżda issa l-Papa Franġisku bidel dan it-tagħlim u qed jgħid li l-piena kapitali ma tista’ qatt tkun aċċettata għax hi “attakk fuq id-dinjità umana”.

Fl-Istati Uniti hemm 31 stat li għandhom il-piena kapitali, fosthom Nebraska fejn illum stess suppost li se tkun esegwita l-piena tal-mewt wara 20 sena.

Sr. Helen Prejean, li għamlet kampanja kontra l-piena tal-mewt, li assistiet lill-priġunier li kien qed jistenna l-piena tal-mewt u li ispirat il-ktieb u l-film “Dead Man Walking”, staqsiet jekk il-Gvernatur ta’ Nebraska li għandu valuri “favur il-ħajja” hux se jimxi mad-direzzjoni tal-Papa Franġisku. Għada inkunu nafu.