Il-Bibbja bil-Malti issa aċċessibbli permezz ta’ app

L-Għaqda Biblika Maltija ħabbret li l-ħames edizzjoni tat-traduzzjoni tal-Bibbja mil-lingwi oriġinali għall-Malti, se tkun tista’ tinstab fuq l-app tal-Bibbja popolari YouVersion kemm għall-iOS u anke għall-Android.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta spjegat li bħala parti mis-servizzi tagħha, YouVersion toffri kemm it-traduzzjonijiet l-iktar riċenti tal-Għaqda Biblika Maltija, u wkoll l-opportunità ta’ talb kuljum mill-Iskrittura u riżorsi oħra għat-tfal, żgħażagħ u kbar.

Il-Bible App tal-YouVersion, tintuża fuq aktar minn 415-il miljun smartphone, tablet u laptop. Din tista’ titniżżel b’xejn.

Intant, fil-ġimgħat li ġejjin, l-aktar edizzjoni riċenti tat-traduzzjoni bil-Malti tal-Bibbja se tkun għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba u online fuq Bibbja.mt.