Il-bibien tal-Palazz miftuħa b’apprezzament lejn il-poplu Malti

Għal lejla waħda u b’apprezzament lejn l-appoġġ tal-poplu Malti, il-President ta’ Malta George Abela u martu Margaret se jiftħu l-bibien ta’ darhom għall-pubbliku.

Fit-28 ta’ Settembru, il-poplu Malti huwa mistieden igawdi l-ġmiel tal-Palazz Presidenzjali u l-ġonna meraviljużi ta’ San Anton  waqt l-Istrina Wine Festival.

Fil-kelmtejn tiegħu waqt it-tnedija ta’ dan il-Festival, il-President George Abela rringrazzja, aktar minn darba is-sapport tal-poplu Malti lejn din il-Presidenza. Kien għalhekk, saħaq il-President, li ddeċieda li ssir din l-attività biex jinfetħu beraħ il-bibien tal-Palazz,  bħala sinjal ta’ rikonoxximent.

Huwa semma’ kif l-Istrina mingħajr rigali kienet il-qofol ta’ din il-presidenza. Fakkar kif il-poplu Malti huwa poplu li dejjem kien ġeneruż meta ġie mitlub l-għajnuna lejn min għandu bżonn.

Dakinhar tal-Wine Festival, il-Palazz tal-President se jkun armat daqs li kieku se jkun hemm visita statli. Il-pubbliku se jkollu aċċess li jidħol jara partijiet privati mill-Palazz, fosthom fejn jgħix il-President u l-parti fejn hemm il-pool.

Waqt din l-istess attività, se jkun qed jintwera’ ix-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq il-Kappella Russa. Ma tonqosx il-mużika live minn artisti prominenti Maltin, fosthom George Curmi l-Puse’.

Dan l-avveniment se jkun possibli grazzi għall-Marsovin u Michael Attard Group. Il-prezz biex wieħed jattendi din l-attività unika huwa ta’ €5 għal kbar u €2 għaż-żgħar. Se tkun qed tingħata ukoll tifkira lil dawk li jattendu – tazza tal-inbid. Il-flus miġbura se jkun qed imorru għall-Malta Community Chest Fund.

Il-biljetti għal din l-attività se jkunu qed jinbiegħu ukoll waqt il-kunċert ta’ Rockestra ta’ għada.