Il-Bibbja fiċ-ċentru tal-missjoni tal-Knisja f’Bangladesh

Insara fil-Bangladesh jattendu lessjonijiet tal-Bibbja

“Bħala nies mgħammda għandna r-responsabbiltà li nippriedkaw il-messaġġ ta’ Alla, inżommu l-Kelma t’Alla fi qlubna u ngħixuha”.

Dan qalu lill-aġenzija FIDES, l-Isqof James Romen Boiragi tad-djoċesi ta’ Khulna u President tal-Kummissjoni Kataketika u l-Appostolat Bibliku tal-Konferenza Episkopali tal-Bangladesh

Filwaqt li enfasiżża ċ-ċentralità tal-Bibbja fil-missjoni tal-Knisja, l-Isqof Boiragi spejga li “Il-messaġġ ta’ Alla preżenti fil-Bibbja,  irridu nippredkawh b’ħajjitna u nagħtu xiehda tal-fidi b’ħajjitna u imġibitna. Jekk inħallu lilna nfusna inkunu ggwidati mill-Bibbja, kull min jemmen isir Bibbja ħajja u dan ikun ta’ benefiċċju kbir għall-Evanġeliżazzjoni.”

L-Isqfijiet fakkru fit-tema ta’ Jum il-Bibbja li kien ċelebrat ix-xahar li għadda li kienet “Il-kelma Tiegħek hi lampa għal riġlejja u dawl għal triqti” u qed jipproponu li dan il-ħsieb ikun dak li jmexxi l-mixja ta’ Evanġeliżazzjoni tal-Knisja fil-Bangladesh għal din is-sena.

L-Isqof Boiragi qal “F’din is-sena ġdida ejja nitolbu lill-Kattoliċi f’Bangladesh biex jagħrfu r-responsabbiltajiet bħala nies mgħammda li huma mibgħuta biex ixandru l-Aħbar it-Tajba skont il-Bibbja. Nagħmlu mill-Bibbja id-dawl tagħna u tqaddes ħajjitna: dan hu li nitlob”.

Fr. Ripon Anthony D’Rozario, il-Kappillan tal-parroċċa ta’ Tejgaon f’Dhaka, li hu nvolut ukoll fl-Apostolat tat-tixrid tal-Bibbja fil-pajjiż qal li l-Kattoliċi għandhom jibżgħu għall-Bibbja. “Innutajt li f’ħafna djar hemm kopja tal-Bibbja iżda ma tinqarax spiss. Nistieden lil kulħadd biex jaqri partijiet mill-Bibbja kuljum għax hi l-Kelma t’Alla u l-ikel spiritwali tagħna”.

Proshanto Gomes, lajk Kattpliku qal lill-aġenzija FIDES, ”bil-qari tal-Bibbja, Alla jkun magħna. Jien  ngħaddi l-ġurnata bil-barka t’Alla bil-qari tal-Bibbja”.

Il-Kummissjoni Episkopal għall-Katakeżi u l-Apostolat tal-Bibbja hi mpenjata li tippromwovi fid-djoċesijiet kollha ta’ Bangladesh, l-Apostolat tal-Bibbja billi tgħin u tikkollabora fil-preparazzjoni u t-tixrid ta’ materjal kataketiku u Bibliku bil-lingwa tal-lokal u billi tipprovdi taħriġ għall-katekisti u l-għalliema tar-reliġjon Kattolika.