Il-best man? Kelb!

Suldat Amerikan li kien paratrooper fl-Afganistan bħala best man meta żżewweġ għażel kelb. Iżda dan il-kelb hu kelb speċjali għax għen lil Justin Lansford jerġa’ jkun kapaċi jgħix ħajtu ta’ kuljum għax ikun dejjem ta’ spalla għalih.

Kollox beda meta r-raġel minn Maryland kellu inċident fl-Afganistan meta t-trakk li kien fuqu għadda minn fuq mina li splodiet taħthom. Kawża ta’ hekk ir-raġel sofra bosta feruti f’siequ x-xellugija u minħabba f’hekk spiċċa mingħajrha.

Waqt li kien jirkupra saħħtu l-isptar Justin ġietu opportunità li bis-saħħa tagħha bidel ħajtu. Grupp imsejjaħ Warrior Canine Connections żar l-isptar u magħhom ġabu klieb biex iwennsu lil dawk midruba. Justin ingħata kelb tar-razza golden retriever bl-isem ta’ Gabe. Dan il-kelb spiċċa kien mitqlu deheb biex ir-raġel reġa’ aġġusta ruħu wara li tilef riġlu.

Justin isemmi li aktar ma jużax is-siġġu tar-roti aktar kellu bżonn l-għajnuna tal-kelb.

“Gabe kien jgħinni minn ħaġa għall-oħra,’ isemmi. “Bis-saħħa tiegħu nista’ nistrieħ miegħu biex ninżel fl-art jew nerġa’ nqum. Meta naqa’ dejjem tarah ġej jiġri lejja biex nimbotta miegħu u nerġa’ nqum mill-art.”

Gabe spiċċa biex sar sors ta’ appoġġ emozzjonali kif ukoll ta’ ħbiberija kbira. Il-kelb ma laqatx biss lir-raġel imma kiseb ukoll l-ammirazzjoni ta’ Carol, li kienet mal-Warrior Canine Connections u saret is-sieħba ta’ Justin. Hi ssemmi l-fatt li l-ewwel darba li l-kelb ra lil Justin beda jibki u jdur fl-art, iġġennen għalih.

Kien għalhekk li meta żżewġu Justin u Carol ma raw xejn ħażin li l-kelb jagħmilha tal-best man. Ir-raġel jirraġuna li l-kelb il-ħin kollu jkun miegħu. Allura waqt it-tieġ xtaqu jkun miegħu biex jagħmlu l-best man tiegħu.

Il-mara qablet għal kollox miegħu għax “Gabe huma parti kbira minn ħajjitna u kien xieraq li jaqsam magħna dak il-mument ta’ ferħ bejnietna.”