Il-Beltin waħedhom fil-quċċata

Din il-ġimgħa ta’ futsal għalqet bil-konfront dirett u mill-aktar spettakolari fil-quċċata tal-klassifika bejn it-tim tal-Università u Valletta. Minkejja li l-Universitarji niżlu fit-tieni post, xorta komplew juru li huma tim organizzat li jagħti logħba tajba lill-avversarji.
L-Univeritarji kellhom bidu ferm tajjeb hekk kif spiċċaw b'vantaġġ ta’ 3-1 qabel tmiem l-ewwel taqsima. Għalihom iddebutta l-istudent Franċiż Mamad Diab, li għandu esperjenza fil-futsal u skurja wieħed mill-erba’ gowls. Il-gowls l-oħra għat-tim tal-Università waslu permezz ta’ Joselito Aguilera, Alex Ellul u awtogowl.
Għal Valletta iddebbutta l-plejer internazzjonali mill-Ġorġja Gia Nikvashvili li skurja tliet darbiet. Denis Di Maio u Shawn Vella ssiġġillaw ir-raba’ rebħa konsekuttiva, bl-iskor ta’ 5-4.
F’aktar logħbiet li kellna matul din il-ġimgħa, Hamrun Tre Angeli tilfu kontra Swieqi United bl-iskor ta’ 5-2. Pietà għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 5-3. Mriehel ESS ħarġu rebbieħa fuq it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 11-4. Qormi rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Junior College bl-iskor ta’ 9-3. Iċ-ċampjins Luxol li ġejjin mill-esperjenza pożittiva fil-UEFA Futsal Cup għelbu lil Marsaskala bl-iskor kbir ta’ 18-0.
B’hekk Valletta jinsabu waħedhom fil-quċċata bi 12-il punt, segwiti mit-tim tal-Università u Pietà b’9 punti. Fit-tielet post insibu lil Ħamrun Tre Angeli u Swieqi United, Luxol u Qormi, li għandhom 6 punti. Marsaskala u Mriehel ESS għandhom tliet punti, filwaqt li Junior College u t-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United għadhom mingħajr punti.