Il-Belt Valletta tilbes il-libsa tal-Milied

Ritratt: Pierre Sammut - DOI

Read in English.

Il-Belt Valletta libset il-libsa Natalizja, hekk kif ilbieraħ filgħaxija nxtegħel id-dawl tal-Milied għall-ewwel darba din is-sena.

Dan inxtegħel fi Triq ir-Repubblika u Triq Merkanti waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret għall-okkażjoni. Għal din il-konferenza attendew il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef, is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit u membri tal-komunitajiet tan-negozju ta’ Triq Merkanti u Triq ir-Repubblika.

“Il-mixegħla ta’ dawn it-toroq prominenti fil-Belt Valletta, li t-tnejn li huma jaraw numru kbir ta’ nies kuljum, saret antiċipazzjoni tradizzjonali għal dawk kollha li għandhom l-istaġun tal-festi għal qalbhom. Huwa permezz ta’ inizjattivi varji li aħna qegħdin naħdmu biex inkomplu nsaħħu l-prodott kulturali tal-Belt Valletta”, qal il-Ministru Bonnici waqt iċ-ċerimonja.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li, “l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta kompliet fejn ħalliet il-Fondazzjoni Valletta 2018, fejn fil-Belt Valletta l-Milied jibda jinħass kmieni bi programm ta’ ċelebrazzjonijiet maħsubin apposta fosthom il-mixegħla ta’ dawl spettakolari ġdid sena wara sena.”

Ritratt: Pierre Sammut – DOI

Din hija l-ewwel fost l-inizjattivi tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal żmien il-Milied għal din is-sena, bl-isem ta’ ‘Christmas in the City’. Il-pubbliku huwa mistieden jattendi għall-mixegħla tas-siġra tal-Milied ġewwa l-Belt Valletta li se tkun qed iżżejjen Pjazza Kastilja tul il-ġimgħat li ġejjin. Din se ssir nhar it-Tnejn 25 ta’ Novembru fil-17.30 ta’ filgħaxija.

“Il-Milied fil-Belt Valletta joffri esperjenza unika, reliġjuża, kulturali u festiva li l-belt kapitali tagħna biss tista’ toffriha. Ma nistax nimmaġina l-Milied mingħajr il-Belt Valletta”, qal is-Sindku Alfred Zammit.

Għal aktar informazzjoni u biex iżżomm ruħek aġġornat segwi l-paġna ‘Valletta Cultural Agency’ fuq Facebook.