Min jogħġbu l-inbid, ma jistax ma jżurx imqar darba f’ħajtu…

Sentejn ilu, fil-belt Franċiża ta’ Bordeaux, kienet inawgurata binja li, għal kull min jogħġbu l-inbid, ma jistax ma jżurx, imqar darba f’ħajtu: La Cité du Vin, il-Belt tal-Inbid. U, grazzi għal titjiriet diretti minn Malta lejn Bordeaux, issa żjara bħal din hija faċli, komda u tista’ tkun btala qasira u mill-aktar pjaċevoli.
La Cité du Vin kien proġett ambizzjuż, grandjuż u viżjonarju. Għaqqad il-kunċett ta’ Theme Park li normalment nassoċċjaw mat-tfal ma’ attivitajiet deċiżament aktar adulti.  Dan il-proġett fih 10 sulari u meta tarah minn fuq ix-xmara, kif rajtu għall-ewwel darba jien, tistħajlu decanter tal-inbid, bil-qatra tal-għenba ddur fil-qiegħ tiegħu.
Logħba viżwali impekkabbli minn periti-artisti li kellhom il-vantaġġ li kienu qed jaħdmu fost udjenza li tassew tapprezza l-arti u l-kultura. Hekk kif anke l-fliexken tal-iprem inbejjed huma wkoll strutturati biex jaqdu l-funzjoni li joħorġu l-aħjar mill-inbid li jkun hemm fihom, La Cité du Vin hija binja, tabilħaqq sabiħa, imma li fuq kollox hija unikament strutturata biex tkun fiera dejjiema dwar l-inbid.
La Cité du Vin kienet swiet $91 miljun biex inbniet u fiha ssib madwar 20 aspett differenti ta’ kif wieħed jista’ jara l-inbid.  Mhux biss it-togħma u l-kulur kif aħna mdorrijin naraw. Hemm anke simulazzjoni, vjaġġ virtwali, f’xini merkantili li ġġorr l-inbid. Hemm klassijiet differenti biex ittiegħem l-inbejjed differenti, wirjiet storiċi u anke arkeoloġiċi li jinbidlu u li mhux neċessarjament ikollhom rabta qawwija mal-inbid. Għax fuq kollox, l-inbid, qabel ma l-ilma kien xarba li ma toqtlokx bid-disenterija jew il-kolera, kien ix-xarba ta’ kuljum fil-pajjiżi tal-Mediterran. Imbagħad, barra ristorant u diversi postijiet fejn tista’ tixrob, hemm il-ġenna ta’ l-art għal dawk li jħobbu flixkun inbid tajjeb: boutique tal-inbid b’inbejjed minn 80 pajjż differenti, inkluż Malta.
U jekk tispiċċa xi ftit imlaħlaħ, għalkemm aħna dejjem nirrakkomandaw il-moderazzjoni, hemm ukoll pultruna mill-aktar komda fejn tista’ tintefa’… u toqgħod tisma’ praspar li għamlu personaġġi famużi meta kienu fis-sakra.