Il-Belġjani pprojbiti milli jivvjaġġaw lejn Malta

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Belġju ddikjara lil Malta bħala pajjiż mhux sigur fil-konfront tal-coronavirus, u b’hekk, il-Belġjani huma pprojbiti milli jżuru Malta.

Dan l-aġġornament deher fuq is-sit tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Belġjan ilbieraħ waranofsinhar.

Flimkien ma’ Malta, fuq il-lista l-ħamra hemm reġjuni fil-Bulgarija, fir-Rumanija, fi Spanja u fir-Renju Unit, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Litwanja.

Apparti hekk, dawk li jirritornaw minn Malta u l-pajjiżi msemmija li jkunu se joqogħdu l-Belġju għal tal-anqas 48 siegħa, iridu jimlew formola ta’ identifikazzjoni. Dawn huma obbligati joqogħdu kwarantina u jagħmlu test tal-coronavirus.

B’hekk il-Belġju huwa l-aħħar pajjiż fost dawk li qed iqisu lil Malta bħala mhux sigura minħabba ż-żieda fil-każijiet, wara li l-Gvern Ingliż iddeċieda dan dwar Malta wkoll nhar il-Ħamis filgħaxija. Mill-4am illum, it-turisti Ingliżi li jkunu ġejjin minn Malta jridu jagħmlu kwarantina.

Apparti Malta, fil-lista l-ħamra tal-Ingilterra, hemm ukoll Franza, u ġurnali Ingliżi rrappurtaw dalgħodu kif eluf ta’ Ingliżi temmew il-btala tagħhom ħesrem fi Franza biex jevitaw li jagħmlu kwarantina meta jirritornaw l-Ingilterra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn