“Il-Bejjiegħa tal-monti f’Għawdex ma ġewx ikkonsultati dwar iċ-ċaqliq tal-monti” – Marthese Portelli

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Marthese Portelli qalet li l-bejjiegħa tal-monti f’Għawdex mhux jiġu konsultati biex il-monti tar-Rabat jimxi mit-Tokk għall-Pajzza Savina.
Fid-diskors tagħha fil-Parlament Portelli qalet li ma ngħatat ebda raġuni valida għala dan il-monti li ilu jarma aktar minn 90 sena għandu jiċċaqlaq.
Saħqet li għall-kuntrarju għal dak li ġara bil-monti tal-Belt Valletta, il-bejjiegħa tal-monti f’Għawdex mhux talli ma ġewx ikkonsultati imma lanqas ġew offruti kumpens jekk ma jibqgħux jarmaw.
Il-Kelliema għall-Enerġija u kandidata għall-elezzjoni ġenerali fuq it-13-il distrett, Marthese Portelli qalet li pjazza Savina mhix tajba għall-monti għax hija żgħira u ’l bogħod miċ-ċentru tar-Rabat.
Qalet li ċ-ċaqliq tal-monti se joħloq problemi fit-traffiku u lid-delettanti tal-festi.
Tenniet li l-ittri li bagħtu l-bejjiegħa lill-Ministru għall-Għawdex u lill-Ministru għall-Ekonomija baqgħu mhux imwieġba.