Il-bejgħ tat-tonn jirdoppja f’4 snin

Il-bejgħ tat-tonn ġej mill-fish farms irdoppja mill-2015 sal-2018, peress li minn €111,000 fl-2015, it-tonn daħħal €228,000 fl-2018.

Peress li llum huwa l-Jum Dinji tat-Tonn, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ statistika relatata mat-tonn mis-sena 2018.

Il-fish farms tat-tonn żdiedu bi tnejn mill-2015 sal-2018, peress li fl-2015 Malta kellha erbgħa, fl-2016 żdied wieħed, u fl-2017 żdied ieħor.

Rigward tonn mibjugħ, inkluż jekk ġiex esportat lejn il-Ġappun, il-bejgħ żdied gradwalment tul is-snin. L-istatistika ppubblikata turi li fl-2015 inbiegħu 8,051 kilogramm tat-tonn, li fl-2016 żdiedu għal 11,292 kilogramm, fl-2017 13,120 kilogramm, u fl-2018 17,326 kilogramm. L-istatistika turi wkoll b’kemm inbiegħ dan it-tonn.

Mit-tonn mibjugħ, ammont kbir jiġi esportat lejn il-Ġappun. Fl-2017, kien hemm nuqqas drastiku fl-esportazzjoni, peress li naqset b’10%. Fl-2018, iżda, 93% tat-tonn maqbud ġie esportat.