“Il-bejgħ tal-passaporti qed ikompli jirvina lil Malta” – Il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li wara li ħarġet l-aħbar minn The Shift li persuna li xtrat il-passaport Malti qed taffaċċja akkużi serji fl-Istati Uniti tal-Amerika u f’Iżrael, l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza qed tkompli tirvina r-reputazzjoni ta’ Malta. Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista żied li 2016 il-persuna xtrat iċ-ċittadinanza lill-familja tagħha wkoll.

Skont The Shift, Anatoly Hurgin kien membru tal-forzi tad-difiża Iżraeljani u issa qed imexxi kumpanija li tiħħekja u tiġbor informazzjoni minn kull oġġett ta’ teknoloġija f’kull ħin u post.

The Shift spjegaw li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet tkellmet u wissiet dwar Hurgin madwar tliet snin ilu meta ngħata ċ-ċittadinanza Maltija. Żiedu li kulma għamlu kien li kitbu isem Hurgin fuq google u skoprew li tliet xhur biss qabel ma ngħata ċ-ċittadinanza Maltija, investituri f’Tel Aviv preżentaw każ ta’ danni kontra Hurgin li jammontaw għal madwar €5.5 miljun.  

Il-Partit Nazzjonalista spjega li dan huwa l-ħames każ ta’ persuna li xtrat iċ-ċittadinanza Maltija u qed taffaċċja akkużi serji ta’ reati kriminali. Il-PN kompla li dan iġib fix-xejn il-ftaħir tal-Partit Laburista li persuni li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija qed jgħaddu minn proċess ta’ four-tier due diligence.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li bħala partit ilu jwissi mill-bidu nett li din l-iskema se tagħti isem ħażin lil Malta. Fakkar ukoll li d-ditta involuta fil-bejgħ taċ-ċittadinanzi għandha rabtiet u influwenza mal-Prim Ministru u bosta Ministri tal-Gvern li permezz t’hekk id-ditta qed tirranġa biex l-awtoritajiet Maltin jagħlqu għajnwaħda għal persuni li għandhom rekord kriminali u jridu jixtru passaport Malti.

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jissposspendi l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanzi b’mod immedjat.

Din l-istqarrija ġiet iffirmata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina.