Il-bejgħ tal-passaporti Maltin b’riskji għall-UE – KE

Il-Kummissjoni Ewropea identifikat numru ta’ riskji għall-Unjoni Ewropea li hemm fi skemi ta’ ċittadinanza u skemi ta’ residenza b’investiment li numru ta’ pajjiżi fl-unjoni joffru, inkluż Malta.

Il-Kummissjoni Ewropea (KE) ppreżentat rapport komprensiv dwar dawn l-iskemi. Ir-rapport jelenka l-prattiċi eżistenti u jidentifika ċertu riskji li skemi bħal dawn iġibu magħhom speċjalment b’rabta mas-sigurtà, l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, u l-korruzzjoni.

Il-Kummissarju Ewropew għaċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal li l-għajxien legali ta’ persuna fl-Unjoni Ewropea (UE) u fiż-żona Schengen iġib miegħu drittijiet li m’għandhomx jiġu abbużati. Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová qalet li nies li jirċievu nazzjonalità Ewropea għandhom ikollhom rabta ġenwina mal-istat membru konċernat.

Intant, fi stqarrija s-Segretarjat għaċ-Ċittadinanza qal li l-Gvern Malti jaqbel ma’ “wħud mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin” tar-rapport. Il-Gvern innota bi pjaċir li l-KE rikonoxxiet il-benefiċċji ekonomiċi tal-industrija tal-immigrazzjoni b’investiment.

Il-KE qalet li bħalissa l-Bulgarija, iċ-Ċipru, u Malta joperaw skemi li jippermettu investituri n-nazzjonalità ta’ dawk il-pajjiżi taħt kundizzjonijiet li huma inqas stretti mill-proċeduri normali li wieħed jakkwista din in-nazzjonalità ġdida.

Skont il-KE, dawn it-tliet pajjiżi ma jobbligawx lil dak li jkun li jkollu bżonn jgħix fiżikament fil-pajjiż u li m’hemmx bżonn rabta ġenwina ma’ dak il-pajjiż qabel ma’ wieħed jixtri ċ-ċittadinanza.

Ġie spjegat li dawn l-iskemi għandhom impatt fuq l-UE kollha peress li kull persuna li takkwista n-nazzjonalità ta’ pajjiż fl-UE jakkwista ċittadinanza tal-UE.

Ir-rapport tal-KE identifika numru ta’ oqsma ta’ tħassib:

  • L-investigazzjonijiet li jsiru fuq l-applikanti mhumiex robusti biżżejjed
  • Hemm bżonn aktar stħarriġ biex jiġi assigurat li regoli ta’ kontra l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa jiġi segwiti
  • Nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar kif dawn l-iskemi qed jitmexxew, inkluż dwar in-numru ta’ applikazzjonijiet li jidħlu, jiġu aċċettati jew rifjutati u l-oriġini ta’ dawk li japplikaw. Apparti minn dan, l-istati membri ma jaqsmux informazzjoni dwar l-applikanti għal dawn l-iskemi u lanqas jinfurmaw lil xulxin dwar dawk l-applikanti li jkunu ġew rifjutati.

Il-KE qalet li l-iskemi ta’ residenza permezz ta’ investiment jaħdmu b’mod differenti mill-iskemi ta’ ċittadinanza però jġibu magħhom riskji serji wkoll. Bħalissa hemm 20 pajjiż  fl-UE li joffru dawn l-iskemi inkluż Franza, l-Irlandna, u Malta.

Għal darb’oħra r-rapport tal-Kummissjoni identifika numru ta’ oqsma ta’ tħassib:

  • Nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni prattika u d-diskrezzjoni fil-mod kif l-Istati Membri jindirizzaw it-tħassib dwar is-sigurtà
  • Permessi ta’ residenza miksuba permezz ta’ investiment, bi preżenza fiżika limitata jew mhux meħtieġa tal-investitur fl-Istat Membru inkwistjoni, jista’ jkollhom impatt fuq l-applikazzjoni u d-drittijiet assoċjati mal-Istatus ta’ Residenza għal Żmien Twil tal-UE
  • Ir-rapport jenfasizza n-nuqqas ta’ trasparenza u sorveljanza tal-iskemi, b’mod partikolari f’termini ta’ monitoraġġ u n-nuqqas ta’ statistika dwar kemm persuni jiksbu permess ta’ residenza permezz ta’ skema bħal din

Il-Kummissjoni se tkun qed issegwi kwistjonijiet usa’ ta’ konformità mal-liġi tal-UE mqajma minn skemi ta’ residenza u ċittadinanza tal-investituri u se tieħu l-azzjoni meħtieġa kif xieraq. Hija se tistabbilixxi grupp ta’ esperti mill-Istati Membri biex itejbu t-trasparenza, il-governanza, u s-sigurtà tal-iskemi.

L-iskemi taċ-ċittadinanza tal-investituri jippermettu lil persuna tikseb nazzjonalità ġdida bbażata fuq l-investiment biss. L-iskemi ta’ residenza tal-investituri jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, li jiksbu permess ta’ residenza biex jgħixu f’pajjiż tal-UE. Il-kundizzjonijiet biex tinkiseb u tintilef ċittadinanza nazzjonali huma rregolati mil-liġi nazzjonali ta’ kull Stat Membru soġġett għal rispett xieraq għal-liġi tal-UE.

F’Settembru li għadda, Věra Jourová kienet qalet lil Newsbook.com.mt li l-Kummissjoni Ewropea se tipproponi regoli ġodda għall-iskemi ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza.

Rapport Sħiħ: Studju dwar l-iskemi taċ-ċittadinanza

Il-Gvern jaqbel ma’ ċertu rakkomandazzjonijiet

Fi stqarrija, is-Segretarjat għaċ-Ċittadinanza qal li l-Gvern Malti jaqbel ma’ “wħud mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin” tar-rapport. Il-Gvern innota bi pjaċir li l-KE rikonoxxiet il-benefiċċji ekonomiċi tal-industrija tal-immigrazzjoni b’investiment.

Il-Gvern Malti ma jaqbilx mad-dikjarazzjoni tar-rapport li ċ-ċittadinanza b’investiment tingħata taħt kundizzjonijiet inqas stretti minn dawk taħt drittijiet ta’ naturalizzazzjoni ordinarji. Skont il-Gvern, mal-aħħar grupp ma jsirux investigazzjonijiet rigorużi daqs l-applikanti l-oħra.

Skont il-Gvern, Malta hija waħda mill-ftit ġurisdizzjonijiet fejn il-preżenza fiżika hija obbligatorja. Qal ukoll li l-applikanti joħolqu rabta mal-komunità Maltija b’diversi modi inluż konnessjonijiet ta’ negozju u donazzjonijiet għal kawżi filantropiċi.

Il-Gvern insista li l-proċess ta’ due diligence ta’ Malta huwa meqjus bħala l-aqwa wieħed fl-industrija.

Dwar it-tassazzjoni u ħasil tal-flus, il-Gvern qal li l-programm ta’ Malta jsegwi d-direttivi tal-Unjoni Ewropea u li ma joffri l-ebda benefiċċji fiskali.

Fi żmien meta l-volatilità ġeopolitika hija għolja, Malta temmen li tista’ toffri t-tieni dar lil familji ta’ suċċess f’pajjiż li huwa sigur u stabbli b’opportunitajiet biex jaħdmu, jistudjaw u jagħmlu negozju kemm f’Malta kif ukoll ‘il barra minnha,” qal il-Gvern.

Il-Gvern qal li l-iskemi Maltin kellhom impatt pożittiv fuq il-pajjiż li ġġenera dħul ta’ aktar minn €700 miljun.

Malta qatt ma kienet taħt il-lenti fil-passat – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li r-reputazzjoni ta’ Malta qatt ma kienet taħt il-lenti fil-passat, u li l-bejgħ tal-passaporti li daħħal il-Gvern Laburista ġab miegħu bosta riperkussjonijiet serji minħabba n-nuqqas ta’ due diligence tajjeb li qed isir fuq min qed japplika biex jixtri ċ-ċittadinanza Maltija.

Il-Kummissjoni Ewropea ħalliet lill-PN iżolat – PL

Il-Partit Laburista qal li l-Kummissjoni Ewropea reġgħet ħalliet lill-Partit Nazzjonalista iżolat. Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li minkejja d-diversi suġġerimenti li saru mill-Kummissjoni Ewropea l-istituzzjoni Ewropea mkien m’għamlet bħal Adrian Delia u qalet li programmi simili m’għandhomx jeżistu.