Il-bejgħ tal-passaporti “idgħajjef iċ-ċittadinanza tal-UE” – KE

L-UE tieħu azzjoni kontra Malta u Ċipru

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni kontra Malta u Ċipru minħabba l-bejgħ tal-passaporti, billi tqis li l-għoti taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea għal pagamenti jew investimenti determinati minn qabel mingħajr ebda rabta ġenwina mal-Istati Membri kkonċernati, iddgħajjef l-essenza taċ-ċittadinanza tal-UE. 

B’hekk, il-Gvern Ċiprijott u dak Malti issa għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-ittri ta’ intimazzjoni. Jekk it-tweġibiet ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ toħroġ Opinjoni Motivata dwar din il-kwistjoni.

Fi stqarrija maħruġa mill-UE, ġie spjegat li skema bħal din taffettwa lill-Unjoni Ewropea peress li meta Stat Membru jagħti ċ-ċittadinanza, il-persuna kkonċernata awtomatikament issir ċittadin tal-UE u tgawdi mid-drittijiet kollha marbuta ma’ dan l-istatus, bħad-dritt li tiċċaqlaq, tgħix u taħdem liberament fl-UE, jew id-dritt li tivvota fl-elezzjonijiet muniċipali kif ukoll fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Minħabba f’hekk, l-effetti tal-iskemi ta’ ċittadinanza la huma limitati għall-Istati Membri li joperawhom, u lanqas ma huma newtrali fir-rigward ta’ Stati Membri oħra u tal-UE kollha kemm hi.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt għar-reazzjoni tiegħu dwar dan ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan seħħ minħabba l-kummenti li jgħaddu l-MEPs Roberta Metsola u David Casa fl-UE biex iħammġu isem Malta. Għall-kuntrarju, saħaq Abela, il-Gvern Malti se jiddefendi lil Malta.

Hu ddefenda l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u qal li li kieku ma kienx għal dak il-programm, x’aktarx ma kienx ikun possibbli jiġi preżentat baġit daqshekk kbir, li hu sejjaħlu l-aqwa wieħed f’Malta s’issa. Minkejja dan, il-Gvern qed iħejji programm ieħor li jmur lil hinn minn dak li diġà kien hemm. Qal ukoll li l-kwistjoni ta’ Malta hija differenti minn ta’ Ċipru.

B’reazzjoni għall-kummenti tal-PM, Metsola u Casa qalu li hija sitwazzjoni tal-biki li l-Prim Ministru Robert Abela dejjem jara f’min ħa jwaħħal u donnu dejjem ifarfar mir-responsabbiltà.

Pass importanti kontra l-korruzzjoni fl-Ewropa – Giegold

Il-Membru Parlamentari Ewropew Sven Giegold sejjaħ dan il-pass wieħed importanti kontra l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni fl-Ewropa. Qal li l-Kummissjoni Ewropea missha ilha li ħadet miżuri konkreti kontra dan il-ksur tal-liġi tal-UE.

Żied jgħid li Malta u Ċipru jagħtu kenn lill-kriminali u lill-korrotti, flimkien mal-ġid tagħhom, u dan hu ta’ periklu għas-sigurtà interna fl-Ewropa.

Qal li apparti minn Malta u Ċipru, missha tittieħed azzjoni wkoll kontra l-programmi ta’ investiment fil-Bulgarija, fil-Portugall u fi stati membri oħra.