Il-bejgħ tal-passaporti ġġenera €1.35 biljun – Muscat

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-programm ta’ investiment jiġġenera f’Malta iktar minn €1.35 biljun. “Dan hu l-impatt finanzjarju li l-programm qed iħalli fuq l-ekonomija f’Malta,” żied jgħid.

Huwa stqarr li mill-banda l-oħra, il-Maltin daħħlu madwar €100 miljun minn kera ta’ propjetajiet lill-persuni li ħadu sehem f’dan il-programm. Saħaq li bis-saħħa ta’ dan il-programm inxtrat b’kemm tiswa €160 miljun fi propjetà.

Muscat kompla jgħid li dawn il-persuni jiġu mħeġġa biex jagħtu donazzjonijiet lill-għaqdiet karitatevoli u dawn l-għotjiet ilaħħqu kważi €5 miljun.

Huwa xejjen il-kritika tal-Oppożizzjoni li dan il-programm qed jattira nies mhux affidabbli billi qal li minn Ottubru 2018 sa Ottubru 2019, 70% ta’ dawk li applikaw għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni.

“Fil-fatt 70% ta’ dawk li applikaw għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni u minn dawn 150 persuna għandhom degree, masters u PHD,” kompla jgħid Muscat.

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-livell ta’ skrutinju hu għoli wkoll tant li s-sena li għaddiet terz tal-applikanti ma komplewx għaddejjin bl-applikazzjoni tagħhom. Huwa qal li 75% tal-applikanti biss jiġu aċċettati, imqabbla ma’ 98% fil-Latvja, 91% fir-Renju Unit u 100% fl-Ungerija.