Il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija fl-2016 aktar milli rdoppja

Mill-2015 għall-2016, il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija b’investiment aktar milli rdoppja.
Skont statistika maħruġa mill-Eurostat, fl-2016 1,495 persuna akkwistat iċ-ċittadinanza Maltija, u dan kien ifisser żieda ta’ 131% fuq is-sena ta’ qabel.
Mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, kienu Malta u żewġ pajjiżi oħra biss fl-Unjoni Ewropea (UE) li biegħu aktar ċittadinanzi mis-sena ta’ qabel.
L-ogħla żieda kienet fil-Kroazja, għax dal-pajjiż minn 196 persuna fl-2015, fl-2016 xtraw iċ-ċittadinanza 3,973 persuna. Imbagħad tiġi l-Greċja, b’żieda ta’ 138% mill-2015, imbagħad Malta, minn 646 persuna fl-2015 għal 1,495 fl-2016 li xtraw iċ-ċittadinanza.
Min-naħa l-oħra, b’kollox fl-istess sena kważi miljun persuna mhux mill-UE akkwistaw iċ-ċittadanza Ewropea.
L-aktar persuni li xtraw iċ-ċittadinanza Ewropea kienu l-ewwel il-Marokkini, imbagħad l-Albaniżi u l-Indjani. Imbagħad il-Pakistani, it-Torok, ir-Rumeni u l-Ukreni. Flimkien dawn jirrappeżentaw terz taċ-ċittadinanzi kollha li ġew akkwistati fl-2016.
L-aktar li nxtraw ċittadinanzi kienu mill-Italja, imbagħad Spanja u r-Renju Unit.
Jista’ jkun li l-Brexit affettwa wkoll, imma fl-2016 il-persuni mir-Renju Unit li xtraw ċittadinanza ta’ wieħed mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea aktar milli rdoppja.