“Il-bejgħ taċ-ċittadinanza hu bħal biljett VIP”

Daniel Darmanin mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi saħaq li l-bejgħ taċ-ċittadinanza hu simili għal biljett VIP, fejn bosta jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu jekk jiksbu ċittadinanza speċifika.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, Darmanin sostna li li tkun ċittadin ta’ pajjiż ma jkollokx biss drittijiet, iżda trid issegwi wkoll id-dmirijiet lejn il-pajjiż.
“L-iskema toħloq żewġ klassijiet ta’ ċittadinanza”
Irrimarka li s-sistema tal-bejgħ tal-passaporti qed toħloq żewġ klassijiet ta’ ċittadinanza. Spjega kif hemm min għandu l-flus u jista’ jixtri l-mobilità ħielsa, u min m’għandux flus, bħall-immigranti, jispiċċa jaffaċċja ħafna problemi.
Spjega kif issa qed tinħoloq “il-klassi ta’ min jiflaħ” u “l-klassi ta’ min ma jiflaħx” iħallas, li tħalli t-tieni grupp ta’ nies bla drittijiet.
Darmanin insista kif bħala soċjetà m’għandniex inħarsu biss lejn il-flus iżda għandna nħarsu b’mod speċjali lejn id-dinjità tal-bniedem.
“…il-pajjiż ra l-ġid ekonomiku jikber”
Madanakollu jammetti li permezz ta’ din l-iskema, il-pajjiż ra l-ġid ekonomiku jikber, iżda jgħid li ma’ dan l-iżvilupp kibru wkoll il-problemi speċjalment fejn jidħol il-kiri tal-propjetajiet lokali.
Darmanin spjega kif hemm bżonn li deċiżjonijiet bħal dawn jittieħdu biss jekk ħadd ma jibqa’ lura u jisħaq li hemm bżonn li togħla l-paga minima sabiex il-poplu Malti jkun jista’ jlaħħaq mal-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-propjetà fost affarijiet oħra.