Il-bejgħ taċ-ċittadinanza f’Ċipru riskju għas-sigurtà tal-UE – Sven Giegold

Read in English.

L-MEP Sven Giegold qal li l-iskema Ċiprijotta ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza hija riskju għas-sigurtà tal-UE u qed tiftaħ l-Ewropa għall-kriminali. F’referenza għal rapport investigattiv ippubblikat minn Al Jazeera, Giegold qal li “dak li konna qed ninkwetaw minnu għal żmien twil, issa kien ikkonfermat”. 

Dan ir-rapport analizza aktar minn 1,400 applikazzjoni mill-Programm ta’ Ċittadinanza-b’Investiment bejn l-2017 u l-2019 u l-parti l-kbira tal-applikanti kienu mir-Russja, Ukrajna u ċ-Ċina. Biex wieħed jixtri ċittadinanza Ċiprijotta, irid jinvesti 2.15 miljun ewro fil-pajjiż, per eżempju billi jakkwista proprjetà jew kumpaniji.

Permezz tal-programm, il-Gvern Ċiprijott daħħal mas-7 biljun ewro. Madankollu, Giegold spjega kif l-analiżi turi li fost iċ-ċittadini ġodda hemm numru ta’ persuni li nstabu ħatja b’rati kriminali, persuni ħatja b’ħasil ta’ flus u esponenti politiċi suspettati b’korruzzjoni. Bosta minnhom, suppost ma kienux jilħqu r-rekwiżiti tal-istess programm, hekk kif persuni mfittxija jew li nstabu ħatja b’reati kriminali kienu esklużi minn dan il-programm. 

Madankollu, jidher li Ċipru ma ħaditx l-infurzar ta’ daw ir-regoli b’mod serju, hekk kif bejn l-2013 u l-2018 kienu biss 2% tal-applikanti li kienu rifjutati.

Giegold żied jgħid li barra l-bejgħ ta’ passaporti, hemm ukoll numru ta’ programmi oħra ta’ investiment, fosthom dawk li jissejħu Golden Visas, li wkoll huma ta’ theddida għas-sigurtà interna. “Il-bejgħ tad-drittijiet ċivili huwa ta’ theddida serja għas-sigurtà tagħna u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE. Ir-rivelazzjonijiet dwar Ċipru huma interessanti. Il-passaporti u l-viżi tal-UE mhumiex prodott ta’ kumdità. Il-flus m’għandhomx ikunu kriterju għaċ-ċittadinaza u r-residenza fl-Unjoni”.

Huwa żied jgħid li flus minn attività kriminali qed jidħlu fl-Ewropa permezz ta’ skemi ta’ residenza u ċittadinanza hekk kif numru ta’ Stati Membri mhux qed ikunu attenti biex ma jipperikolawx is-sigurtà interna. Huwa fakkar kif il-Ħodor fil-Parlament Ewropew talbu li jinfetħu proċeduri kontra l-programmi ta’ investiment f’Malta, u sostna li l-fatti marbuta ma’ Ċipru jsaħħu l-bżonn li din il-kwistjoni tkun fuq l-aġenda tal-plenarja fil-Parlament Ewropew f’Ottubru.