Il-bejgħ mill-ħwienet jiżdied bi ftit, il-valur jonqos

Il-bejgħ mill-ħwienet f’Malta f’Novembru żdied b’1.8% meta mqabbel ma’ Ottubru, u b’1.5% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Dan wara li fl-aħħar ħames xhur, il-bejgħ mill-ħwienet kien naqas jew irreġistra biss ċaqlieqa żgħira pożittiva.
Skont il-Eurostat, anke fil-pajjiżi kollha tal-UE żdied, imma b’rata inqas minn ta’ Malta.
Fit-28 pajjiż membru, il-bejgħ mill-ħwienet żdied b’0.8% waqt li fil-pajjiżi li għandhom il-munita ewro, il-bejgħ żdied b’0.6%.
B’kuntrast, il-valur ta’ dak li nbiegħ fis-suq fit-28 pajjiż membru tal-UE naqas b’0.4%. Dak fil-pajjiżi bil-munita ewro naqas b’0.3%.
Anke l-valur ta’ dak li nbiegħ fis-suq f’Malta rreġistra tnaqqis, għalkemm ftit inqas minn dak fil-medja tal-pajjiżi l-oħra.
Bejn Novembru u Ottubru, il-valur ta’ dak li nbiegħ f’Malta kien, għat-tielet xahar konsekuttiv, ta’ 0.1% inqas mix-xahar ta’ qabel, waqt li bejn Ġunju u Awwissu ma kien hemm ebda tkabbir.
Imqabbel mas-sena li għaddiet, il-valur ta’ dak li nbiegħ fis-suq Malti rreġistra tnaqqis għal sitt xhur konsekuttivi.