“Il-bejgħ fuq is-sit tiegħi naqas” – Artist diġitali

Joseph Xerri, artist diġitali lokali, spjega ma’ Newsbook.com.mt li minn mindu bdiet din il-kriżi li ġabet magħha l-coronavirus fil-pajjiż, il-bejgħ tal-arti fuq is-sit tiegħu naqas.

Xerri, li għandu 31 sena u huwa wkoll mużiċist li jifforma parti mill-band magħrufa Għawdxija The Travellers, tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar xogħlu u l-mod kif dan ġie affettwat kawża tal-battalja kurrenti kontra l-imxija tal-coronavirus.

Hu spjega li sitwazzjoni bħal din hija diffiċli għal kulħadd peress li kienet xi ħaġa mhux mistennija u għalhekk xi ftit jew wisq kulħadd ġie affettwat. Hu spjega li jaħdem full time ma’ kumpanija fejn ix-xogħol tiegħu huwa bbażat fuq il-kompjuter. Qal li hemmhekk ftit li xejn intlaqat hekk kif seta’ jkompli b’xogħlu mid-dar. Minkejja dan spjega li x-xogħol personali, bħala artist iħoss li ġie affettwat u l-bejgħ mis-sit tiegħu naqas.

Mistoqsi dwar x’jaħseb li hemm bżonn isir biex is-settur kreattiv jieħu l-appoġġ neċessarju ħalli jsalva f’dan iż-żmien, Xerri qal li s-settur inġenerali jiddependi minn ħafna fatturi differenti. Spjega li s-settur kreattiv huwa settur ġdid f’Malta li ħafna drabi jippermetti li wieħed jaħdem mid-dar. Spjega li minħabba f’hekk ħafna artisti, speċjalment dawk lokali, qegħdin ikomplu jieħdu dan iż-żmien bħala opportunità biex jipproduċu aktar xogħol.

Xerri rrimarka li kull artist għandu s-sit tiegħu u jemmen li s-soċjetà tista’ tgħin billi tirrikorri għal talent lokali u tixtri xi xogħol tal-arti minn tagħhom. “Fil-fehma tiegħi, inħoss li diġà għamilna pass ‘il quddiem minħabba li kien hemm xi paġni fuq Facebook u anke profili fuq Instagram li qegħdin jippromwovu dan u minn hawn nixtieq nirringrazzjahom mill-qalb għal inizjattivi bħal dawn,” kompla jgħid Xerri.

L-arti diġitali: Mezz b’saħħtu kif tinfluwenza s-soċjetà

Bħala artist, Xerri jemmen li l-arti diġitali huwa mezz b’saħħtu ta’ kif wieħed jista’ jinfluwenza lis-soċjetà, kemm fejn jidħol tibdil tal-opinjonijiet, kif ukoll fil-ħolqien ta’ valuri ġodda li jaf ikunu meħtieġa. Infatti, mhux l-ewwel darba li Xerri uża l-arti tiegħu biex iqajjem kuxjenza dwar suġġetti ewlenin u jwassal lill-poplu biex jaħseb dwar l-aġir tiegħu.

Waħda mill-iktar biċċiet ta’ xogħol riċenti ta’ Xerri hija dik bl-isem “Greed”, jiġifieri regħba. Hu spjega kif b’din l-arti diġitali partikolari xtaq joħloq kuxjenza dwar kif il-kilba għall-flus jew għall-poter ma toffrix il-kuntentizza u s-serenità li l-bniedem għandu bżonn. Sostna li minkejja dan, sfortunatament din hija xi ħaġa mnaqqxa fin-natura tal-bniedem u huwa faċli li persuna taqa’ fin-nassa tar-regħba.

Greed 💵Probably the artwork with the most profound meaning that I have worked on to date. 'Greed' has been living in…

Posted by Joseph Xerri on Tuesday, March 24, 2020

“Għal dan ħassejt li kelli bżonn nemfasizza l-messaġġ li jekk il-flus u l-poter ma jagħmluniex kuntenti mela wieħed għandu joqgħod ħafna attent fl-għażliet tiegħu u jara li ma jiġix affetwat b’din l-arma qerrieda u hekk lanqas jaffetwa lil ta’ madwaru,” kompla jgħid Xerri.

Hu rrimarka li għalkemm fix-xogħol tiegħu jippreferi jkun surreali u jħalli lill-udjenza fil-libertà kif tinterpreta l-arti tiegħu, fl-aħħar biċċa xogħol ipprova jkun ċar kemm jista’ ħalli wieħed jagħraf mill-ewwel il-messaġġ li jinsab wara din l-arti diġitali.

X’inhi eżatt l-arti diġitali?

Xerri spjega li l-arti diġitali hija tip ta’ arti fejn l-artist juża teknoloġija diġitali bħala parti mill-proċess kreattiv, f’dan il-każ il-kompjuter u programmi bħal Photoshop. Bħala arti diġitali tinqasam f’diversi tipi; tista’ tkun dik 3D, illustrazzjoni (illustration) jew inkella fil-każ tiegħu, dik komposta b’ritratti (photo manipulation / photo compositing).

Hu kompla billi spjega li x-xogħol tiegħu jikkonsisti f’użu ta’ ritratti differenti biex wieħed joħloq kompożizzjoni u jagħmilhom jidhru bħala ritratt wieħed. “L-għan tiegħi hu li din l-kompożizzjoni nittrasformaha f’arti kemm jista’ jkun reali bħallikieku kienet hekk mill-bidu nett. Għalhekk ir-ritratti jridu jkunu jaqblu, kemm minn aspett ta’ dawl u anke perspettiva. Dan jista’ jsir permezz tal-użu ta’ Photoshop u permezz tiegħu nkun nista’ ngħaqqad kollox flimkien u anke npinġi xi partijiet li ma nsibx fir-ritratti biex b’hekk noħloq il-prodott finali tal-arti li jkolli f’moħħi,” qal Xerri.

Xerri jippubblika l-arti tiegħu kemm fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, kif ukoll fuq il-website tiegħu.

Bħalissa Malta tinsab għaddejja minn perjodu ta’ inċertezzi li fih qed ibatu ħafna negozji f’oqsma differenti. Il-Gvern sema’ wkoll il-karba tal-midja, li huwa qasam ieħor li laqqat daqqa ta’ ħarta f’dan iż-żmien hekk kif qed jaffaċċja telf kbir. B’rabta ma’ dan il-Gvern issa qal li se jkun qed jagħti għajnuna finanzjarja lill-midja minħabba s-sitwazzjoni li ħoloq il-coronavirus.. Newsbook.com.mt flimkien ma’ 60 entità oħra kienu appellaw lill-Gvern biex jagħti widen lis-settur sabiex ikun jista’ jsalpa f’din il-maltempata.