Il-Beatu Oscar Romero se jkun iddikjarat qaddis f’Ottubru

L-Arċisqof ta’ El Salvador, Mons Luis Escobar Alas, qal li l-kanonizzazzjoni tal-Beatu Oscar Romero aktarx se ssir f’Ruma lejn l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena, fi tmiem laqgħa tal-isqfijiet.
“Dalwaqt ikollna kanonizzazzjoni. Fid-19 ta’ Mejju nkunu nafu d-data eżatta”, qal l-Arċisqof f’omelija waqt quddiesa li għamel fil-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù, f’Washington, li għaliha attendew diversi emigranti minn El Salvador.
Fid-19 ta’ Mejju mistenni jsir konċistorju (laqgħa tal-Kardinali) li fiha jkunu ffinalizzati d-dettalji.  Id-dikjarazzjoni tal-Arċisqof saret ftit sigħat biss wara li l-Kardinal Oscar Mardiaga tal-Honduras qal lil grupp ta’ ġurnalisti f’Madrid li Oscar Romero se jkun iddikjarat qaddis fil-21 ta’ Ottubru.
L-Arċisqof Escobar li llum imexxi d-djoċesi li għal tliet snin bejn l-1977 u l-1980 kien imexxi l-Arċisqof Romero, sakemm inqatel, qal li l-Isqfijiet ta’ El Salvador kitbu lill-Papa Franġisku fejn talbu li Romero jkun kanonizzat f’pajjiżhom għax inkella ħafna mill-fqar tal-pajjiż ma jkunux jistgħu jattendu għal din iċ-ċerimonja.
Il-beatifikazzjoni tiegħu kienet saret f’El Salvador imma issa d-deċiżjoni hi f’idejn il-Papa.
Il-Kardinal ta’ El Salvador, Mons Gregorio Rosa Chavez, u l-Arċisqof Escobar, huma parti minn delegazzjoni ta’ Isqfijiet minn El Salvador li se jkollhom laqgħa ma’ Senaturi Amerikan biex jitolbu għall-għajnuna għal numru ta’ emigranti li bbenefikaw minn żewġ programmi tal-Istati Uniti liema programm hemm theddida li jieqfu u jekk jiġri hekk jintlaqtu ħażin aktar minn 140,000 emigrant Salvadorjan li qed jgħixu fl-Istati Uniti.
L-Arċisqof talab lil dawk li kienu miġbura għall-quddiesa biex jitolbu l-interċessjoni tal-Arċisqof Romero biex isir miraklu u l-leġiżlaturi Amerikani isibu soluzzjoni permanenti u jilqgħu t-talba tagħhom.
Oscar Romero kien assassinat fl-24 ta’ Marzu 1980 waqt li kien qed iqaddes. Hu kien ripetutament jitlob biex tieqaf il-vjolenza fil-pajjiż, tieqaf l-inġustizzja mal-foqra u jieqaf il-qtil ta’ nies ċivili innoċenti li kienu qed jinqatlu waqt kuflitti fil-pajjiż li damu għaddejjin 12-il sena sħaħ u li fihom inqatlu aktar minn 70,000 persuna.