Il-Beatitudnijiet huma garanzija ta’ ferħ

Audience Pope

Il-Papa Franġisku, fl-udjenzi li jagħti kull ġimgħa issa beda katakeżi dwar il-Beatitudnijiet u qal li jekk wieħed irid ikollu garanzija ta’ ferħ f’ħajtu għandu jimxi u jgħix il-Beatitudnijiet kif rakkuntati fl-Evanġelju ta’ San Mattew.

Il-Papa Franġisku enfasizza li Alla ma jimponix fuqna l-Beatitudnijiet, iżda jipproponihomlna bħala t-triq li twassal għall-ferħ ta’ dejjem li Alla wiegħed lill-poplu tiegħu.

“Jagħmlilna tajjeb”, seħaq il-Qdusija Tiegħu, “li naqbdu l-Evanġelju ta’ San Mattew, Kaptilu 5, versi 1 sa 11 u naqraw il-Beatitudnijiet darba kuljum tul din il-ġimgħa biex nifhmu din it-tirq ferm sabiħa li żgur iġġibilna ferħ, li Alla qed jipproponielna”.

Il-Papa qal li Alla spiss jagħżel modi differenti kif jagħtina lilu nnifsu. Forsi permezz tal-limitazzjonijiet, tal-fallimenti jew tad-dmugħ tagħna. Hu fakkar li “l-Beatitudnijiet dejjem iġibulna l-ferħ, huma t-triq biex niksbu l-ferħ”.

Kmandamenti ġodda

It-tagħlim ta’ Kristu ta’ dawn il-“kmandamenti ġodda” fil-preidka fuq il-muntanja, jixbħu kif Mosè  kien ingħata l-Kmandamenti fuq il-muntanja Sinai.

Il-Beatitudnijiet, seħaq il-Papa Franġisku, kif diġa’ enfasizza drabi oħra, huma l-karta tal-identità għall-insara. Huma juru li aħna mbierka mhux bis-sitwazzjoni preżenti tagħna imma bil-kundizzjoni li ksibna bil-grazzja t’Alla.

“L-ewwel priedka ta’ Ġesù, tippreżentalna tmien bibien li minnhom nistgħu niltaqgħu mal-qawwa tal-imħabba t’Alla biex nibdlu ħajjitna u l-istorja tagħna. Il-Beatitudnijiet iwassluna ‘l hinn mil-limitazzjonijiet tagħna, id-dmugħ u l-fallimenti tagħna lejn dak il-ferħ li jiġi mill-passaġġ glorjuż ta’ Alla, mill-mewt għall-ħajja”.