Aġġornata: Jieqaf l-istrajk tal-Air Malta; affettwati 160 passiġġier

Air Malta problema auto pilot

Il-Unjin tal-Bdoti (ALPA) issospendiet l-istrajk tagħha li affetwa 160 passiġġier wara li l-Air Malta talbet għal mandat ta’ inibizzjoni kontra l-unjin.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li l-azzjoni industrijali kienet tmur kontra l-ftehim kollettiv. It-titjiriet issa reġgħu lura għan-normal.
Aktar kmieni l-Air Malta kienet qalet li l-Unjin tal-Bdoti (ALPA) qalet lill-bdoti tagħha jistrajkjaw għal għarrieda f’azzjoni industrijali biex ma jtajrux l-ajruplan li żdied mal-flotta eżistenti matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
In-nuqqas ta' qbil hu fuq il-Voice Recorder fil-kabina li ma fihx buttuna li tħassar ir-recordings li jkunu saru f'titjiriet normali mingħajr inċidenti. L-Air Malta qalet li qiegħda f'kuntatt mal-Airbus biex din il-buttuna terġa' titpoġġa.
Fi stqarrija, l-Air Malta kkundannat lill-ALPA għax infurmatha 22 minuta biss qabel kellha titlaq it-titjira u minħabba f’hekk, l-Air Malta qed tgħid li nkiser il-ftehim kollettiv li ġie ffirmat ftit xhur ilu.
Ftit tal-minuti wara, l-Air Malta ħabbret li minħabba f'hekk ressqet mandat ta' inibizzjoni kontra l-assoċjazzjoni tal-bdoti.
Jingħad ukoll li bl-azzjoni industrijali għall-għarrieda, l-Air Malta se jkollha tħallas aktar minn €180,000 f’kumpens u spejjeż oħra.
Ittardjat titjira minn Malta għal Katanja b'dewmien ta' disa' sigħat.  Kien hemm ibbukkjati 160 persuna.
L-Air Malta żiedet tgħid li l-azzjoni kienet immirata wkoll biex ittellef il-pjanijiet tal-vaganzi għal għadd ta’ Maltin u turisti li kienu qed jippjanaw li jsiefru għal tmiem il-ġimgħa u l-festa tal-1 ta’ Mejju.
Il-linja tal-ajru avżat lill-passiġġieri biex jaraw l-aħħar aġġornamenti fuq is-sit tagħha u fuq il-mezzi soċjali għal xi tibdil li jista’ jkun hemm.
Il-PD jirreaġixxi
Il-Partit Demokratiku fi stqarrija qal li filwaqt li jifhem ix-xewqa għall-privatezza min-naħa tal-bdoti, is-sigurtà fit-titjira tieħu prijorità u ma tistax tiġi injorata.
Il-PD isejjaħ lill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili biex titlob liż-żewġ partijiet biex jimxu 'l quddiem fl-interess tas-sigurtà tal-passiġġieri u l-industrija turistika.