Il-bdoti tal-Air Malta jagħtu vot ta’ fiduċja lit-tmexxija tal-ALPA

Il-bdoti tal-Air Malta vvutaw unanimament favur it-tmexxija tal-ALPA hekk kif bħalissa l-unjin tal-bdoti qed tirrappreżentahom mal-Air Malta minħabba li 69 minnhom tkeċċew fl-aħħar ġimgħat.

Illum tlaqqgħet Laqgħa Ġenerali Straordinarja biex jiġu diskussi l-proposti tal-linja tal-ajru li saru fl-24 ta’ Ġunju iżda li ġew irtirati mill-kumpanija fl-aħħar jiem.

Fi stqarrija l-ALPA qalet li sas-27 ta’ Ġunju, jiġifieri l-għada li l-Qorti qatgħet is-sentenza tagħha dwar il-mandat ta’ inibizzjoni, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri kien saħansitra ħeġġeġ lill-membri biex jivvutaw favur dawn il-proposti.

Ingħad ukoll li l-proposti li ġew irtirati fl-aħħar xorta waħda ġew diskussi fil-Laqgħa Ġenerali Straordinarja peress li l-ALPA xtaqet li jsir dan f’ġieħ it-trasparenza u l-kontabbilità. L-unjin qalet li dawn il-proposti ma ntlaqgħux mill-membri tagħha u kellhom opinjoni negattiva dwar dak li ġie propost lilhom.

L-ALPA temmet l-istqarrija tagħha b’appell tax-xewqa tagħhom li ssir konsultazzjoni sinifikanti u effettiva mal-Air Malta biex jintlaħaq ftehim.