Il-bdoti ta’ Ryanair fir-Renju Unit jaqblu maż-żidiet

Il-15-il bażi ta’ bdoti tal-linja tal-ajru Ryanair fir-Renju Unit, aċċettaw il-pakkett finanzjarju li se jwassal biex tiżdidilhom il-paga sa 20%.
Fi stqarrija, Ryanair qalet li dawn iż-żidiet se jitħalsu fil-paga ta’ dan ix-xahar stess filwaqt li qalet li dan se jkun ifisser li l-bdoti tagħha se jitħallsu 20% iktar mill-kompetituri tagħhom, Norwegian u Jet2.
Il-bdoti qablu fuq dan il-pakkett finanzjarju permezz ta’ vot sigriet li ttieħed aktar kmini filwaqt li huma mistennija jkollhom l-ewwel paga bil-ftehim il-ġdid matul il-ġimgħa d-dieħla.
Ryanair qalet li qed tkompli bid-diskussjonijiet mal-BALPA, l-Unjin tal-bdoti Ingliżim iżda qalet li m’għandux ikun hemm dewmien fil-ħlasijiet minħabba dawn id-diskussjonijiet.
Il-maġġoranza tal-bdoti fl-Irlanda diġa qablu ma’ dawn iż-żidiet, iżda qalet li 35% tal-bdoti f’Dublin, il-kapitali tal-Irlanda għadhom ma vvutawx fuq dawn iż-żidiet.
Ryanair qalet li tinsab iddiżappuntata li ma ġiex organizzat il-vot u għaldaqstant iż-żidiet ma jistgħux jitqasmulhom. Saħqet li se tkompli bin-negozjati mal-FORSA, li hija l-Unjin tal-bdoti fl-Irlanda iżda ammettiet li n-negozjati mixjin bil-mod.