Il-bdoti ma jaqblux mal-proposta tal-Air Malta

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Air Malta qalet li l-bdoti rrifjutaw l-offerta l-offerta tagħha biex terġa’ tingaġġahom fuq termini ġodda. Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li l-offerta kienet se twassal biex l-ekwipaġġ kollu li kien tkeċċa, inklużi d-69 pilota li qabel ingħataw is-sensja, jassiguraw l-impjieg tagħhom u jerġgħu jiddaħħlu lura għax-xogħol.

L-Air Malta qalet li għal ħafna mill-bdoti, l-offerta kienet tfisser pagi anqas. L-offerta kienet tfisser li bdoti li bħalissa huma ngaġġati mal-linja tal-ajru nazzjonali jirċievu tnaqqis ta’ 20% fil-paga bażika tagħhom filwaqt li d-69 bdot li tkeċċew jerġgħu jiddaħħlu jaħdmu b’paga bażika li hija nofs il-paga li kellhom qabel.

Il-bdoti tkeċċew fil-bidu ta’ Ġunju
L-Air Malta tkeċċi 69 bdot

L-istqarrija tal-Air Malta kompliet telenka l-miżuri li ttieħdu waqt in-negozjati mal-unjin fosthom billi elenkat li l-bdoti kien se jkollhom il-paga tagħhom titla għal 90% ta’ dak li kellhom qabel ma tkeċċew sa April 2022 filwaqt li jerġa jkollhom l-istess paga f’April ta’ tliet snin oħra.

Miżuri oħrajn li tnaqqsu mill-benefiċċji li kienu jieħdu l-bdoti kien li l-bdoti kellhom jinsew għal kollox il-pakkett tal-irtirar li kienu jirċievu meta jagħlqu 55 sena u jiddeċiedu li jirtiraw. L-Air Malta qalet li dan il-ħlas kien ta’ madwar €800,000. L-Air Malta semmiet ukoll il-miżura li permezz tagħha l-bdoti kellhom jibdew isuqu huma sal-ajruport minflok bix-xufier.

F’votazzjoni formali fl-ALPA, il-bdoti rrifjutaw dan il-ftehim bil-linja tal-ajru tgħid li dawk impjegati bħalissa waqqfu lid-69 kollegi tagħhom milli jerġgħu jiġu impjegati.