“Il-bdoti għandhom allerġija biex jiġi solvut diżgwit industrijali” – MEA

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li “mhux aċċettabbli li 40% tal-bdoti jirrappurtaw li huma ma jifilħux, b’konsegwenza li l-Airmalta kellha tħassar numru ta’ titjiriet … anke tpoġġew f’riskju l-impjiegi tal-ħaddiema l-oħra tal-Airmalta”.

Skont il-linja nazzjonali tal-ajru, mill-bieraħ filgħaxija 20-il bdot irrappurtaw li ma jifilħux “u dan hu 9 darbiet aktar mill-medja normali”.

L-MEA staqsiet jekk f’daqqa waħda l-Airmalta hix tbati minn firxa ta’ mard jew inkella azzjoni industrijali mhux uffiċjali min-naħa tal-ALPA, l-unjin tal-bdoti.

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem sostniet jekk l-azzjoni li ttieħdet mill-bdoti hix allerġija għal prattiċi ċivili biex jiġu solvuti diżgwiti industrijali.

L-MEA appellat lill-ALPA biex iżomm ’il bogħod mill-possibiltà ta’ abbuż mis-sick leave u azzjonijiet industrijali mhux etiċi.

Qalet li “s-sick leave m’għandu qatt jintuża biex ifixkel l-operat tal-Airmalta”.

Barra minn hekk l-MEA sostniet li “l-bdoti ma rrispettawx il-ħtiġijiet tal-eluf ta’ passiġġieri li tħallew l-art”.