“Il-bdot kien diġà fetħilna l-bieba u niżlilna t-taraġ tal-ajruplan…”

Iż-żewġ żgħażagħ Taljani li temmew il-btala tagħhom f’Malta arrestati għax ħarġu fuq ir-runway tal-ajruport biex jilħqu t-titjira, qalu mal-midja Taljana, li huma mhumiex kriminali u li ma kellhomx jiġu trattati b’dak il-mod mill-awtoritajiet Maltin.
Matteo Clementi ta’ 26 sena u Enrica Apollonio ta’ 23 sena qalu ma’ Il Giornale u l-Quotidiano di Puglia, li lejn l-ajruport ivvjaġġaw b’tal-linja u weħlu fit-traffiku. Spjegaw li impjegata tal-linja tal-ajru ma ħalliethomx jgħaddu mill-gate, għax kienet għadha kif għalqet. Qalu li minkejja li talbuha biex tħallihom jgħaddu għax l-ajruplan kien għadu hemm, kien kollu għalxejn.
Iż-żgħażagħ Taljani saħqu li d-deċiżjoni tagħhom biex joħorġu mill-bieb tal-emerġenza kienet spontanja, imma xorta qagħdu attenti li ma jimponux periklu fuqhom infushom.
Spjegaw kif meta rahom jiġru, il-bdot fetaħ il-bieba tal-ajruplan u niżżlilhom it-taraġ biex jitilgħu. Iżda mal-ewwel tarġa li telgħu, marru xi uffiċjali tal-ajruport iwaqqfuhom.
Matteo u Enrica esprimew ix-xokk tagħhom għal mod kif ġew trattati, fost l-oħrajn li ħadd ma kellimhom bit-Taljan, li ħadd ma qalilhom fejn se jeħduhom u lanqas dwar xiex kienu akkużati.
L-għada, iż-żewġ Taljani tressqu l-Qorti, u ngħataw multa ta’ €2,329 kull wieħed, li jistgħu jħallsuha bin-nifs.
Skont il-ġurnal Taljan, dawn iż-żewġ żgħażagħ ġibdu s-simpatija ta’ ħafna persuni u bosta huma dawk li qed jissuġġerulhom biex jipparteċipaw f’Grande Fratello.