Il-bdil fil-klima hi l-ikbar uġigħ ta’ ras għall-Maltin

Il-Maltin, l-Isvediżi u d-Daniżi huma l-iktar Ewropej li jqisu li l-ikbar problema serja ta’ bħalissa hi l-bdil fil-klima.
Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru, l-erba’ problemi l-iktar serji li qed tħabbat wiċċha magħhom id-dinja huma: il-faqar u n-nuqqas ta’ ikel u xorb, il-kriżi ekonomika, il-bdil fil-klima u t-terroriżmu.
39% tal-Isvediżi u 30% tal-Maltin u d-Daniżi jaħsbu li għandhom jiġu miġġielda mill-aktar fis il-problemi dwar il-klima.
Il-Maltin huma wkoll fuq quddiem f’dak illi għandu x’jaqsam ma’ għażla ta’ appliances tad-dar li jaħlu inqas.  Id-Danimarka (57%), il-Lussemburgu (47%), l-Olanda (45%), il-Ġermanja u Malta (44%) huma l-iktar li pajjiżi li għażlu li jaħlu inqas enerġija.
Erbgħa minn ħames persuni Ewropej jagħrfu l-fatt li jekk tiġi miġġielda l-bdil fil-klima u l-enerġija tintuża b’iktar għaqal, jista’ jkun hemm imbottattura ‘l quddiem fl-ekonomija u fix-xogħol.
15-il pajjiżi Ewropej jemmnu li l-problema tal-bdil fil-klima taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-gvern, bl-iktar nies li jaħsbu hekk huma l-Isvediżi (71%), id-Daniżi (68%), il-Maltin (61%), l-Ispanjoli (58%), il-Griegi (57%) u l-Ingliżi (55%).
B’kollox huma 19, il-pajjiżi li jqisu l-faqar bħala l-pjaga ewlenija għad-dinja, bil-Portugall l-iktar li jemmen hekk.  Is-sitt pajjiżi l-oħra jiġifieri l-Italja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, il-Latvija u l-Estonja, jaħsbu li l-ikbar tħassib hi s-sitwazzjoni ekonomika.
Il-faqar u n-nuqqas ta’ ikel u xorb issemmgħu minn 24 pajjiżi Ewropej.
10% tal-Maltin poġġew lit-terroriżmu bħala l-ikbar problema waqt li 48% semmew ukoll it-terroriżmu bħala problema serja.