Il-bdiewa tal-Magħtab jippreżentaw siti alternattivi

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo ppreżenta fil-Parlament ittra tal-bdiewa tal-Magħtab li se jkunu milquta mill-impjant il-ġdid tar-riċiklaġġ, li fiha qed jipproponu siti alternattivi biex isir l-impjant fihom.

Fi Frar li għadda, għadd ta’ bdiewa mill-Magħtab imblukkaw Triq il-Kosta bħala protesta kontra proġett tal-Wasteserv biex l-impjant tagħha fiż-żona jkun estiż b’aktar minn 200 tomna art u allura b’konsegwenza jieħu l-art tagħhom, li ilhom jaħdmu snin sħaħ.

Dan wassal biex il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia dawru l-pjanti u naqsu l-proġett għal 70%, minn 279,000 għal 82,000 metru kwadru.

Edwin Vassallo flimkien mad-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar insistew għal soluzzjoni aħjar bil-Ministru Farrugia jargumenta li dan ma kienx possibbli u kull min kellu proposti ġodda kellu jippreżentahom.